Christopher Victor Jean Arzur, Franċiż ta’ 39 sena li jgħix Tas-Sliema u jaħdem fl-IT, ammetta li abbuża fiżikament lis-sieħba tiegħu.
Il-Qorti semgħet kif fit-tnejn ta’ Diċembru li għadda, għall-ħabta tas-siegħa u nofs ta’ filgħodu ir-raġel ikkaġuna lit-tfajla wkoll ġrieħi gravi, għamel ħsara fil-lukanda fejn kienu qegħdin, li tammonta għal aktar minn mitejn u ħamsin ewro u li kiser il-paċi pubblika.
Kemm il-Prosekuzzjoni kif ukoll id-difiża qalu li s-sieħba tiegħu kkonfermat li din kienet okkażjoni ta’ darba u li l-imputat kien taħt l-effett tal-alkoħol.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud qalet li dak li għamel l-imputat ma jiġġustifikax dak li għamel lill-vittma.
Waqt is-seduta l-Maġistrat dar fuq l-imputat u spjegalu li f’relazzjoni, dejjem ħa jinqalgħu l-argumenti, iżda dawn qatt m’għandhom jissarrfu fi vjolenza.
Il-Maġistrat ikkundannah sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u ordni ta’ trażżin għal tliet snin.