L-ewroparlamentari Nazzjonalista Francis Zammit Dimech naqas milli jikkundanna l-aġir ta’ David Casa li talab lill-ġurnalist Saviour Balzan biex jiżvela s-sors tiegħu b’rabta ma’ stejjer li żvelaw li kien jagħmel użu eċċessiv mid-droga kokaina.
Il-Ġimgħa li għadda, il-Qorti waqqfet lil Jason Azzopardi li qed jidher għal Casa fi proċeduri ta’ libell kontrih milli jkompli jistaqsi lil Balzan min kien is-sors tal-istejjer tiegħu. Għemil inaċettabbli fi kliem il-President tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.
Mistoqsi minn ONE News jikkudannax lil Casa u jekk hux aċċettabbli għalih li Casa jrid ikun jaf min huma l-whistleblowers f’Malta, Zammit Dimech, li għamel snin jgħallem il-liġi tax-xandir fl-univeristà, naqas milli jikkudannah u saħansitra qalilna li Casa qiegħed jiddefendi lill-ġurnaliżmu investigattiv.
“Jiġifieri bla ebda dubju dak li għamel hemmhekk u anke f’okkażjonijiet oħrajn jagħti prova ta’ kemm hu qiegħed fost oħrajn b’difiża totali tal-ġurnaliżmu ħieles, tal-ġurnaliżmu indipendenti, tal-ġurnaliżmu investigattiv,” qal Zammit Dimech.
Minkejja li l-Qorti waqqfet lil Jason Azzopardi milli jkompli jistaqsi lil Balzan dwar is-sors tiegħu, Francis Zammit Diemch tenna li Casa qed jagħmel l-almu tiegħu biex jiddefendi lill-ġurnaliżmu investigattiv.
“Int semmejt li kont ngħallem dan is-suġġett, mhux biss mad-dritt tal-espressjoni tagħhom. Irrid nara l-kuntest ta’ dak li qal u mhux noqgħod fuq dak li sempliċiment ikkwotat fil-gazzetti,” kompla Zammit Dimech.
Dan minkejja li fl-aħħar jumejn ma kien hemm ebda ċaħda ta’ dak rrapportat fil-midja fejn ġie żvelat ukoll li Casa ma fetaħ l-ebda libell dwar l-istejjer li allegaw li kien qed jagħmel użu mill-kokaina.
Min-naħa tiegħu, il-kelliem għas-saħħa tal-Partit Nazzjonalista Stephen Spiteri naqas ukoll li jikkudanna lil Casa u ħarab jiġri minn fuq il-post.