Wieħed mill-ewwel membri fl-eżekuttiv tal-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Laburista, Francis Massa għalaq 100 sena minn twelidu.
Iltqajna ma’ Francis Massa, li kien l-ewwel kaxxier tal-fergħa żagħżugħa bl-isem Labour League of Youth, waqt festin organizzat għall-okkażjoni ta’ għeluq sninu t-Tnejn filgħaxija.
Fl-istess żmien tal-bidu tal-ħamsinijiet, kien hemm fergħa oħra taż-żgħażagħ, il-Young Labour League, Massa qalilna li, flimkien ma’ erba’ żgħażagħ oħrajn, ħolqu l-istatut għal din il-fergħa l-ġdida.
Biex imbagħad, fl-14 ta’ Jannar tal-1951, twaqqfet din l-għaqda Laburista, li llum nafuha bħala Żgħażagħ Laburisti u fi ftit xhur oħra se tkun qed tiċċelebra l-74 sena mit-twaqqif tagħha.
Massa qasam magħna parti mill-istorja li jiftakar mit-tiswir tal-għaqda taż-żgħażagħ tal-Partit Laburista, waqt li wkoll irrakkontalna fost l-aktar avvenimenti li għadu jiftakar minn ħajtu.
Qal, “L-aktar l-aktar fil-politika, li ta’ wara l-Gwerra, more or less, dħalt fil-futbol, imbagħad mill-futbol mort fil-politika.”
Magħna żied jgħid li f’ħajtu dejjem baqa’ attiv, minkejja li darba kien waqa’ fuq daharu u kiser xi partijiet mis-sinsla.
Stqarr, “Jien dejjem attiv, imma l-aktar li ħadt daqqa ta’ ħarta meta waqajt u iktar waqajt, għax kont għadni kważi żagħżugħ, avolja kelli 93 sena – kont żgħir qisni żagħżugħ. Ipprovajt nieqaf u aħjar waqajt mal-ewwel, għax kieku waqajt mal-ewwel ma kontx nikser tliet postijiet hawnhekk fis-sinsla.”
Bħala delizzji, Massa kellu għal qalbu l-ġnien, li fih qatta’ madwar 40 sena, u kull ħaġa li kabbar u li kien jiżra’, dejjem tahom lil ħaddieħor, bla ebda skop ta’ negozju.
Stqarr, “Tal-ħaxix u niġbor is-siġar, kollox, u niżra’. Kollox, għax dilettant ta, għax kont nagħtihom l-affarijiet jien, jiġifieri mhux għalija jew biex inbigħhom.”
B’luċidità, li ma tistennihiex, Massa temm jgħidilna li qatt ma kien jobsor li se jgħix sal-età ta’ 100 sena, waqt li rrakkontalna storja simpatika, li jiftakar meta kien ma’ sieħbu madwar 20 sena ilu.
Qal, “Kien hemm wieħed mis-Siġġiewi konna mmorru nimxu flimkien, konna mmorru nagħmlu siegħa u nofs nimxu, kien jgħidli jiena għad irrid ngħix 150 sena. Għedtlu allaħares ngħix 150 sena; imma dan 20 sena ilu kien jgħidli hekk u rnexxieli 100, bla ma naf kif.”