L-Arċidjoċesi ta’ Malta qed tfakkar il-250 anniversarju mill-mewt ta’ Francesco Zahra permezz ta’ wirja ta’ pitturi fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana. Zahra hu wieħed mill-aqwa artisti tal-Barokk f’Malta.
Il-wirja, li tinsab fil-pjan terran tal-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana, tiffoka fuq episodji mill-Passjoni ta’ Kristu u suġġetti devozzjonali oħra li dan l-artist ewlieni Malti pitter għall-Kurja tal-Arċisqof, magħrufa wkoll bħala Casa Manresa, li nbniet fl-1743 bħala post tal-irtiri mill-Ġiżwiti. Il-wirja hija miftuħa għall-pubbliku sat-2 ta’ Diċembru.
Il-viżitaturi jistgħu jżuruha mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn id-9:00am u l-4:30pm, u s-Sibt mid-9:00am sa 12:00pm. Id-dħul huwa b’xejn. Il-viżitaturi tal-wirja huma mistiedna wkoll jesploraw ġabra ta’ dokumenti dwar il-ħajja u l-vjaġġ artistiku ta’ Francesco Zahra.
Dawn id-dokumenti, li jinsabu fl-Arkivju Djoċesan fil-Furjana, ikopru mill-1717 sal-1774, u joffru perspettiva dwar l-evoluzzjoni tal-artist. Flimkien ma’ din il-wirja, nhar it-Tlieta, 14 ta’ Novembru fis-7:00pm, Rev. Dr Nicholas Doublet se jintroduċi l-proġett ta’ restawr li għadu għaddej fuq il-pitturi ta’ Zahra. Jingħataw ukoll preżentazzjonijiet mill-konservaturi tal-pittura Amy Sciberras u Valentina Lupo. L-attività se ssir fir-Refettorju tal-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana. Id-diskussjoni hija miftuħa għall-pubbliku u d-dħul huwa bla ħlas.
Għal aktar tagħrif dwar Francesco Zahra f’Casa Manresa żur knisja.mt/francesco-zahra.