Ir-rata għolja ta’ tilqim għall-Covid-19 f’Malta u l-ogħla waħda fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kompliet tiġbed l-attenzjoni ta’ aġenziji internazzjonali tal-aħbarijiet.
Issa kien imiss lil France 24 li b’artiklu prominenti ssemmi kif pajjiżna diġa’ laqqam 10% tal-popolazzjoni.
Fatt interessanti ieħor imsemmi fl-artiklu tal-France 24 hemm dak li l-Iżrael, pajjiż pijunier fil-qasam tal-mediċina u li għandu rata għolja ħafna ta’ tilqim, qed iħares b’ċertu interess lejn ir-rata ta’ tilqim li rnexxielu jikseb l-iżgħar stat membru fl-Unjoni Ewropea.
France 24 kwota lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li kkonferma li għaddejjin taħdidiet mal-Gvern Iżraeljan dwar dak magħruf bħala l-passaport tal-vaċċin.
B’dan il-passaport li jkun forma ta’ ċertifikat tkun tista’ tivvjaġġa mingħajr xkiel billi turi li inti mlaqqam.
Min-naħa l-oħra Fearne kien kawt u qal li sa issa għad m’hemmx biżżejjed informazzjoni li persuna li tkun ħadet il-vaċċin ma titrasmettix il-virus.
“Din iċ-ċertifikazzjoni m’għandniex ixxekkel lin-nies iżda tiffaċilità l-moviment tal-persuni”, saħaq Fearne.
Intant Malta diġà għandha dożi ordnati minn kumpaniji li mistennija jkollhom il-vaċċin produċut minnhom approvat.
Il-kumpaniji huma Johnson & Johnson, CureVac u Novavax.
Tenna li Malta qed taħdem fuq livell Ewropew, tant li anki kitbet lill-Kummissjoni Ewropea biex taħseb għall-possibiltà li n-nies jieħdu doża oħra kontra l-Covid-19.
Dan fid-dawl ta’ varjanti ġodda li qed ifeġġu mill-Coronavirus.