“It-tmexxija tal-Knisja f’Malta tinsab fi kriżi.”
Lura fl-2014 dan kien kliem Fr Joe Borg, il-qassis-politikant li ma jrid l-ebda introduzzjoni f’Malta. Magħruf għall-artikli kontroversjali li jikteb, fosthom fuq ġrajjiet kurrenti u anke għaż-żmien li serva fit-tmexxija tal-midja tal-Knisja bħala Editur.
Kliem li 11-il sena ilu kien attakk dirett li wkoll wassal għar-riżenja ta’ Pawlu Cremona, li llum Malta u Għawdex tawh l-aħħar tislima, minn Kap tal-Knisja f’Malta.
Dakinhar Fr Joe Borg, qrib ħafna l-establishment Nazzjonalista, qal li s-sitwazzjoni tat-tmexxija fil-Knisja tinsab agħar minn dik li kien fiha l-Partit Nazzjonalista wara l-Elezzjoni Ġenerali tal-1976.
Iżda llum, f’eżempju klassiku ta’ ipokretiżmu, Fr Joe Borg xerred intervista li ta lill-midja Nazzjonalista, forsi jipprova jiġbor ġieħu.
Dwar dawk l-episodji ta’ attakki fuq Mons. Cremona bħala Arċisqof, fl-aħħar sigħat, Fr Charles Tabone żvela fuq ix-xandir nazzjonali kif dak l-episodju kien wassal għall-akbar weġgħa lid-Dumnikan fdat bit-tmexxija tal-Knisja.
“Ma kienx marid, iża kien għajjien,” qal Fr Charles Tabone, li wkoll żied li dak iż-żmien kien beka ma’ Mons. Cremona għal dak li kienu qed jagħmlulu għal xejn b’xejn, inkluż Fr Joe Borg.
Tali pressjoni, li kienet saret anke minn Fr Joe Borg fost oħrajn, kellha l-għan li tpinġi lil Cremona bħala mhux denju biex ikun Arċisqof u allura kellu jirriżenja.