Malta spettakolari, stupenda u dominanti.
Ċipru deludenti, bla ideat u diżappuntanti.
Hekk nistgħu niddeskrivu liż-żewġ timijiet nazzjonali li l-Ħamis filgħaxija ffaċċjaw lil xulxin f’logħba valida minn grupp H għall-kwalifikazzjoni tat-Tazza d-Dinja.
It-tim nazzjonali Malti mmexxi minn Devis Mangia mal-ewwel impona l-logħba tiegħu u meta t-tim Ċiprijott spiċċa b’raġel nieqes, il-logħba kienet għal kollox favur il-Maltin, b’futbol milgħub b’ċertu eleganza.
Din kienet l-akbar rebħa għal Malta f’logħba kompettitiva, inċidentalment l-ewwel logħba fi tmintax-il xahar fejn il-partitarji Maltin setgħu jinġabru f’Ta’ Qali biex ikunu t-tnax-il plejer.
Fr Hilary Tagliaferro, li qabel il-logħba ngħata rikonoxximent għall-kontribut qawwi tiegħu fil-futbol Malti, faħħar il-livell ta’ professjonalità li wera t-tim Malti fil-grawnd.
Huwa qalilna, “Rebħa bħal din ittella’ l-moral ta’ kulħadd, speċjalment għal dawk il-plejers żgħar li qiegħdin jaspiraw biex jilbsu l-flokk tat-tim nazzjonali.”
Fr Hilary, li jiftakar snin oħra tad-deheb għat-tim nazzjonali u kkummenta logħbiet sbieħ għal Malta saħaq li r-rebħa ta’ tlieta b’xejn ma ġietx mix-xejn.
Huwa sostna: “Xejn ma jiġi mingħajr sagrifiċji. Jien nemmen li anke t-tim Malti lbiraħ ilu jaħdem is-sajf kollu fl-aqwa tas-sħana, biex huwa prepara għall-partita tal-bieraħ. Tul is-sajf kollu, f’dis-sħana kollha li għamlet, ipprepara bis-serjetà u jidher li pprepara bis-serjetà għax ir-riżultat kulħadd gawdieh.”
Fr Hilary, li bla tlaqliq nistgħu ngħidulu missier il-futbol Malti modern, kellu dan l-appell għall-plejers li jridu jilbsu l-flokk aħmar.
Huwa tenna: “Il-futur tagħna, jien dejjem għedt u dejjem inkoraġġejt, li ż-żgħażagħ li għandhom talent, u għandna ħafna żgħażagħ b’talent, imorru jilagħbu barra. Min għandu esperjenza ta’ timijiet ta’ barra u ta’ ħajja professjonali, jiġi lura biex jilgħab mat-tim Malti, dejjem huwa progress kbir.”