F’April tal-1975, l-eks plejer Brażiljan Pelé kien għamel żjara ta’ tlett ijiem f’pajjiżna.
Dwar din iż-żjara f’pajjiżna tkellimna ma’ Fr Hilary Tagliaferro, li kien ħabib ta’ Pelé u li ltaqa’ miegħu diversi drabi.
Ma’ ONE News, Fr Hilary qal li pajjiżna kien ixxurtjat li plejer ta’ stilla bħal Pelé ġie f’pajjiżna.
“Jien kelli ċ-Ċentru Sportiv Edukattiv il-Marsa, kien hemm xi 400 tifel li jiġu jittrenjaw il-futbol u kienu talbuna biex aħna nagħmlu miegħu training session fl-Istadium tal-Gżira. Kienet okkażjoni sabiħa, kien hemm eluf ta’ nies jaraw din is-session, Pele kien għadu fl-aqwa tiegħu biex ngħid hekk, alavolja kien diġà kiber mhux ħażin, però kien għadu tajjeb ħafna u kienet okkażjoni sabiħa, mhux dik l-okkażjoni ta’ dik it-training session, imma anki l-fatt li ltaqa’ u trenja mat-tfal, kellem lil kulħadd.”
Fr Hilary qal ukoll li f’din iż-żjara, il-plejer Brażiljan ammira l-passjoni li għandu pajjiżna għal-logħba tal-ballun.
“Minkejja li aħna pajjiż żgħir, Pelé ammira l-passjoni kbira li hawn għal-logħba tal-futbol, ammira wkoll it-talenti tat-tfal, li l-iskills li bdew jagħmlu kollha bdew jagħmluhom, iva kien hemm tfal talented ħafna, dak iż-żmien.”
Fr Hilary qal li l-ewwel darba li ltaqa’ ma’ Pelé kien fit-Tazza tad-Dinja tal-1970, li saret fil-Messiku.
Hawnhekk Fr Hilary ħa ritratt mal-plejer Brażiljan u ffirmalu fuq ir-ritratt, fejn irrifera għalih bħala ħabib tiegħu.
Fr Hilary qal li huwa u Pelé ltaqgħu fi tmien edizzjonijiet konsekuttivi tat-Tazza tad-Dinja, fejn kienu jsibu ħin u jmorru ikla flimkien.
Bl-aħħar darba li ltaqgħu Pelé u Fr Hilary kien waqt it-Tazza tad-Dinja tal-1998, li saret fi Franza.
“Pelé ma kienx biss plejer kbir tal-futbol, imma kien raġel kbir, kellu personalità, kien bniedem ta’ fidi kbira, lili kien jirrispettani mmens bħala saċerdot u konna sirna ħbieb matul is-snin, imma l-umiltà tiegħu kienet kbira minkejja li kien l-aqwa plejer tad-dinja.”