Fr Colin Apap kiteb kif hu ddiżgustat bl-aġir tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi fi ħdan il-Kurja f’Malta, għax ma fetħitx ħalqha dwar dak li qed iseħħ fil-Medda ta’ Gaza.
F’artiklu fil-gazzetta Illum, Fr Colin Apap, li jikteb u jitkellem dwar bosta temi soċjali, mhux biss fisser l-aġir tal-Kummissjoni fi ħdan il-Knisja f’Malta bħala diżgustanti, imma qal li diversi gruppi fil-Kurja tal-Arċisqof jgħixu f’bozza għalihom, fi kliemu “f’bubble għalihom”.
Bqajt iddiżgustat għall-aħħar. Ituni l-impressjoni, bħal diversi gruppi fil-Kurja tal-Arċisqof, li qed jgħixu f’“bubble” għalihom, jisimgħu l-eku ta’ xulxin u jaħsbu li l-Maltin kollha jaqblu ma’ dik il-pożizzjoni.
Fr. Colin Apap
“Jisimgħu l-eku ta’ xulxin u jaħsbu li l-Maltin kollha jaqblu ma’ dik il-pożizzjoni. Bqajt mistagħġeb bħal ħafna”, kiteb Fr Colin hu u jinnota li din il-Kummissjoni suppost dwar il-paċi u l-ġustizzja ma qalet xejn dwar l-atroċitajiet li qegħdin iseħħu f’Gaza fejn nisa u tfal qed jinqatlu ta’ kuljum.
“Stiednu lil Roberta Metsola biex jonorawha u jagħtuha ħajr ta’ dak li għamlet f’Iżrael f’isimna. Bħalha żammu minuta silenzju, iżda għall-Iżraeljani maqtula u mmassakrati biss u l-Palestinjani? Mhumiex bnedmin, xbieha t’Alla wkoll?”, staqsa Fr Colin hu u jinnota double standards mill-Kummissjoni li onorat lil Metsola meqjusa mill-qassis bħala waħda li ferħet lil min qed iwettaq l-atroċitajiet f’Gaza.
Fl-artiklu, is-saċerdot żied jinnota li, fil-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi fi ħdan il-Knisja Maltija, la hemm ġustizzja u lanqas paċi u bi kliem iebes qal li l-aġir tagħha mhux f’ismu.
“La hemm ġustizzja u lanqas paċi. U l-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Kurja, minflok tibda kampanja biex tqajjem kuxjenza kontra dawk responsabbli miċ-Ċimiterji tat-trabi u n-nisa, jibqgħu b’ħalqhom magħluq.”
Fr. Colin Apap
“Skużawni, not in my name”, kiteb Fr Colin li staqsa wkoll kemm intefqu flus mill-ġbir tal-Knisja biex il-Kummissjoni organizzat seminar ta’ unur lill-Kummissjoni Ewropea tad-double standards.
“Skużawni. NOT IN MY NAME! Tistgħu tgħidulna jekk il-fidili li jmorru l-Knisja jafux kemm infaqtu flus mill-ġbir li nagħtu fil-knejjes biex organizzajtu seminar ta’ unur lill-Kummissjoni Ewropea tad-double-standards li qed juru fejn jidħlu l-Palestinjani?”
Fr. Colin Apap
Fr Colin żied jgħid li qisu d-diskorsi ċari tal-Papa favur il-paċi qed isiru għalxejn, filwaqt li semma wkoll lill-Arċisqof dwar il-ħarsien tad-dinjità tal-Lhud u l-Palestinjani.
Fuq dan tal-aħħar, fl-aħħar jiem fuq il-programm ‘Awla’, imxandar fuq ONE, Fr Colin ukoll qal li ħallih imdendel fejn ma ltaqax miegħu u anke beda jsofri minn sfidi mentali minħabba f’hekk.
“Meta l-Isqof ħallieni mdendel ma nafx x’se nagħmel u għedt ħa nibqa’ rieqed, u bqajt rieqed. U l-għada l-istess, u l-għada l-istess. Imbagħad għedt ojjj, thanks God li kelli nies li jimportahom madwari. Imma l-fatt li jkollok nies li jħobbuk u jgħidli qum minn hemm u oħroġ. U thanks God f’ħajti kelli ħafna minnhom dawn u diżgrazzjament mhux dejjem sibthom minn ambjent fejn suppost l-iżjed jipprietkaw fuq valuri tal-Milied.”
Fr. Colin Apap