Kull min b’xi mod jaħdem f’siti tal-kostruzzjoni, f’qasir żmien se jkun obbligat li jkollu Health and Safety card apposta biex ikunu preżenti f’sit tal-kostruzzjoni.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari għall-Artijiet u l-Kostruzzjoni hekk kif ġiet enfasizzata l-importanza tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kumitat Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini, il-Perit Charles Buhagiar spjega li sabiex tingħata din il-Health and Safety card kull min jaħdem f’sit tal-kostruzzjoni jrid jattendi għall-korsijiet apposta.
Ma’ ONE News, il-Perit Charles Buhagiar spjega li t-tul tal-korsijiet jiġi determinat mix-xogħol li tagħmel.
Huwa fisser: “Min ikun ħaddiem normali għandu Health and Safety course ta’ 9 sigħat u fl-aħħar tal-kors isir assessment. Fil-każ ta’ periti, inġiniera u professionals għandhom kors itwal ta’ 25 siegħa bir-raġuni li dawk jidħlu f’issues oħrajn legali.”
Huwa spjega wkoll li bl-ebda mod dan ma’ jeżenta lill-kuntratturi milli jaraw li jkun hemm s-sigurtà obbligatorja fuq il-post tax-xogħol.
Sa issa madwar 3000 persuna għandhom din il-Health and Safety card.
Intant mis-Segretarju Parlamentari għall-Artijiet u l-Kostruzzjoni, Chris Agius qal ukoll li persuni li jaħdmu fis-settur tal-bejgħ tal-propjetà wkoll huma obbligati li jkollhom dawn il-cards biex jaċċessaw propjetà li għadhom fil-proċess ta’ bini.
Is-Segretarju Parlamentari Agiurs qal, “Jiena semmejt nies li jaħdmu fis-settur tar-real estate. Hemmhekk ukoll qed inħajru sal-lum għadu mhux obbligu imma qed inħarsu ‘l quddiem sabiex dan ikun obbligazzjoni fuq kull min jaħdem fis-settur.”
Intant preżenti għal din il-konferenza attenda l-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv tal-akkademja tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin, Ray Abela hekk kif spjega li fuq is-suġġett tas-sigurtà f’siti tal-kostruzzjoni, ħaddiema jistgħu jitħarrġu permezz tal-kors tal-E-Construct.
Liema kors huwa bla ħlas u huwa maħsub li jżid l-litteriżmu diġitali fl-industrija tal-bini u l-kostruzzjoni.