L-Enemalta installat l-impjant temporanju ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku, li se jitħaddem f’każi ta’ emerġenza meta tinqala’ xi ħsara f’wieħed mis-sorsi ewlenin ta’ ġenerazzjoni f’pajjiżna, fil-perjodu fejn id-domanda tkun l-aktar għolja.
Fi stqarrija, l-Enemalta sostniet li l-impjant, li se jservi bħala sors temporanju, kapaċi jiġġenera sittin MegaWatt u qiegħed hemm biex jiżgura provvista mingħajr interruzzjonijiet.
Intqal li wara sejħa pubblika għall-offerti, dan l-impjant qed jinkera mingħand il-kumpanija UNEC Ltd sakemm jitlesta u jibda jopera t-tieni interconnector ta’ pajjiżna ma’ Sqallija.
ONE News tkellem mal-Inġinier Julian Scicluna dwar l-iskop ta’ dan l-impjant temporanju.
“L-iskop ta’ dan l-impjant hu as a last resort, jiġifieri, bħala Enemalta, ħa nużawh f’każijiet ta’ emerġenza maġġuri. F’każ li jkollna ħsara teknika jew ħsara kumplessa f’wieħed mill-akbar sorsi ta’ enerġija li għandna, jiġifieri l-interconnector jew il-powerstation tal-gass. U se jkun qed jintuża iżjed fl-aktar mumenti kritiċi tal-pajjiż, jiġifieri dik il-ħsara tinqala’ f’waħda mill-iktar perjodi kritiċi tal-pajjiż, li jkunu s-sajf jew fl-ewwel ftit ġimgħat tax-xitwa, fejn id-domanda tkun ftit aktar min-normal.”
L-Inġinier Julian Scicluna
Fl-istqarrija, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta, l-Inġinier Ryan Fava sostna li sar ħafna xogħol biex dan l-impjant ikun ikkummissjonat u spjega wkoll li, sadanittant, qed jaħdmu fuq it-tisħiħ tal-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni biex tkompli tissaħħaħ l-infrastruttura tal-enerġija.
Intqal li, f’din is-sena biss, l-Enemalta qed tinvesti mal-€55 miljun biex issaħħaħ l-infrastruttura tal-elettriku tagħha, waqt li qed tiġi inforzata s-sistema tad-distribuzzjoni madwar il-pajjiż.
Fil-fatt, fi żmien sitt xhur biss, l-Enemalta poġġiet aktar minn 82 kilometru ta’ cables ġodda ta’ vultaġġ medju, li żiedu r-reżiljenza u l-flessibilità tan-netwerk ta’ distribuzzjoni f’għadd ta’ nħawi.