Filwaqt li fl-ewwel kwart tal-2019 kien hemm 4,547 persuna dipendenti fuq l-assistenza soċjali, dan l-ammont naqas b’aktar minn elf persuna sal-ewwel kwart ta’ din is-sena, għal 3,527.
Dan ifisser li wieħed minn kull erbgħa li kien ikollhom bżonn dan il-benefiċċju illum sar ifendi għal rasu, grazzi għal ħemel ta’ miżuri li żdiedu fl-aħħar snin, minkejja l-isfidi bla preċedent li pajjiżna għaddha minnhom ukoll mill-2020 lil hawn.
Imqabbel mas-sentejn ta’ wara l-kriżi ekonomika ferm iżgħar tal-2008, dak iż-żmien kien hemm żieda ta’ kważi 900 persuna fuq l-assistenza soċjali taħt Gvern Nazzjonalista. Dan wassal ukoll biex, sa tmiem dik il-leġiżlatura fl-2013, kien hemm aktar mid-doppju tal-ammont preżenti jiddependu mill-assistenza soċjali.
Sadanittant fl-aħħar ħames snin ukoll jirriżulta li kien hemm tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta’ single parents fuq l-assistenza soċjali.
Fil-fatt, mindu sar Prim Ministru Robert Abela, is-single parents fuq dan il-benefiċċju niżel b’aktar minn erba’ mija, minn 2,477 fl-2019 għal 2,036 issa, biex ġenitur singolu minn kull sitta dipendenti ħames snin ilu illum qed ifendi mingħajr din l-għajnuna.
Fejn jidħlu persuni fuq l-allowance supplimentari, id-dipendenti, li huma l-aktar anzjani, niżlu b’aktar minn 2,700 persuna.
Minkejja li naqset id-dipendenza, l-infieq tal-Gvern fuq il-benefiċċji soċjali, flok naqas kif kien jiġri taħt Gvernijiet Nazzjonalista, żdied b’investimenti sinifikanti f’dan il-qasam ta’ fejda biex tela’ għal €398 miljun fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena.
Ħames snin ilu dan kien jgħodd għal €243 miljun, li jfisser li, fuq perjodu relattivament qasir, l-investment żdied b’64%. Taħt l-aħħar Gvern Nazzjonalista l-ammont allokat kien ilaħħaq kważi n-nofs ta’ dak preżenti, minkejja li dakinhar dawk dipendenti fuq assistenza soċjali kienu d-doppju tal-lum.
Grazzi għal miżuri ta’ baġits konsekuttivi, żdied l-ammont direzzjonat lejn il-carers, li issa tela’ għal kważi €4 miljun. L-istess ġara fejn jittratta ċ-Childrens’ Allowance, li żdiedu għal kważi €16-il miljun. Fil-kriżi ekonomika ta’ wara l-2008 l-Gvern ta’ Lawrence Gonzi kien naqqas din l-assistenza lill-familji b’aktar minn €2 miljun.
B’differenza għal żminijiet oħrajn, l-anzjani wkoll ma tħallewx għal riħhom f’dan il-mument. L-ammont mogħti lir-romol tela’, għall-ewwel darba, għal iżjed minn €43 miljun, waqt li l-pensjonanti llum qed jirċievu aktar minn €236 miljun bejn dawk kontributorji u dawk tal-età. Żieda ta’ €100 miljun fuq l-2019.
Minbarra li ta l-akbar żidiet fl-istorja fil-benefiċċji, il-Gvern immexxi minn Robert Abela daħħal ukoll miżuri ġodda bħall-Carer’s Grant u l-Mekkaniżmu Addizzjonali għall-Għoli tal-Ħajja, waqt li wessa’ l-eliġibilità għall-In-Work Benefit u tejjeb il-ġenerożità fit-Tapering of Benefits.