Iċ-ċentru ta’ Pariġi kien taħt sigurtà stretta hekk kif l-Erbgħa beda l-akbar ġuri li qatt kien hemm fi Franza, dwar l-attakki suwiċida ta’ Novembru tal-2015. Dawn kienu ħallew 130 persuna mejta u mijiet oħra midruba.
Dan l-attakk terroristiku, li sar mill-estremisti tal-grupp tal-Istat Iżlamiku, huwa fost l-agħar atorċitajiet fi Franza mit-Tieni Gwerra Dinjija sal-lum.
20 persuna se jgħaddu ġuri, u dan mistenni jieħu madwar disa’ xhur bil-verdett se jingħata f’Mejju tal-2022.
F’dan il-perjodu se jkun hemm mal-140 ġurnata ta’ smigħ li se jinvolvu mat-330 avukat u mal-1,800 persuni li salvaw l-attakk jew familji tal-vittmi. Huwa mistenni wkoll li jittellgħu mat-300 xhieda, inkluż François Hollande, li kien President ta’ Franza fiż-żmien li sar l-attakk.