Bl-ivvjaġġar madwar l-Unjoni Ewropea ristrett u b’lockdowns diversi pajjiżi, il-moviment ta’ passiġġieri fl-Unjoni Ewropea sar iktar diffiċli u ristrett.
Dan poġġa sfida ġdida lill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi li fl-għanijiet tiegħu kellu u għandu dak li jkompli jirriloka l-immigranti minn pajjiżna.
ONE NEWS huwa infurmat li fil-ġimgħat li ġejjin mistenni jkun hemm vjaġġi oħra ta’ rilokazzjoni wara gruppi ta’ immigranti li diġà ġew trasferiti fl-ewwel ġimgħat tas-sena.
Tagħrif li għandu ONE NEWS jgħid li mill-elfejn u tmintax ‘il hawn, aktar minn elf u erbat mitt immigrant li kienu f’pajjiżna ġew rilokati lejn stati membri tal-Unjoni Ewropea.
Skont rapport tal-aġenzija tar-refuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda, l-iktar pajjiżi Ewropej li ħadu immigranti minn pajjiżna kienu Franza, il-Ġermanja u l-Portugall.
Julian Micallef uffiċjal fil-Ministeru għall-Intern spjega kif il-proċess ta’ rilokazzjoni huwa wieħed li jeħtieġ preparazzjoni estensiva.
Dan hekk kif l-ewwel pass huwa li l-istati membri jaqblu li jieħdu l-immigranti, fejn imbagħad waqt diskussjonijiet jiġu identifikati kemm se jittieħdu immigranti u tingħata l-informazzjoni meħtieġa.
Is-Sur Micallef qal, “Huma wkoll nippreparawhom li organizzazzjonijiet internazzjonali tal-immigrazzjoni tkun qed tipprovdilhom, anke xi ftit ta’ pre-departure orientation, jgħidulha jiġifieri tkun qed tippreparah, x’se jsib meta jasal f’dak il-pajjiż. Isiru diversi proċessi mediċi oħrajn u jkomplu għaddejjin bil-loġistika. Meta dan iseħħ imbagħad dak li jaraw il-pubbliku jaraw l-immigranti tilgħin fuq l-ajruplan.”
Il-Kelliema għall-Ministeru għall-Intern, Rebecca Buttigieg, qalet kif il-Gvern qed jaħdem fuq tliet strateġiji, fosthom dik tar-rilokazzjoni u li dawk li ma ħaqqhomx jew ma jkunux eleġibbli għall-protezzjoni tal-ażil, jintbagħtu lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.
Buttigieg spjegat: “L-ewwel waħda u l-aktar waħda importanti hija dik illi jonqsu l-wasliet u rajna ħidma sfieqa f’dawn l-aħħar xhur, fejn naqsu l-wasliet, imma mhux biss. Rajna wkoll li qed isiru numru sostanzjali ta’ rilokazzjoni f’membri stati oħra tal-Unjoni Ewropea. Dan għaliex qed itaffi l-piż mhux biss fuq il-proċess tal-ażil fil-pajjiż, iżda wkoll fuq iċ-ċentri tal-immigranti fil-pajjiż.”
L-uffiċjal Micallef saħaq kif meta l-immigranti jiġu rilokati, il-membru stat li jieħodhom isir responsabli għalihom. Dan ifisser li jekk l-Istat Membru l-ieħor jiddeċiedi li l-immigranti li ġew rilokati minn Malta ma jkunx ħaqqhom protezzjoni, xorta waħda jkollu l-poter li jirritornahom lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom.
Huwa sostna: “L-istat membru l-ieħor isir responsabbli tal-applikant tal-ażil u dak jinvolvi proċeduri. L-ewwel nett imorru fiċ-ċentri ta’ dak il-pajjiż li jkunu marru fih. Jieħdu ħsiebhom bħal ma huwa mistenni skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.”
Intant skont rapport tal-aġenzija tar-refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti, is-sena l-oħra, f’pajjiżna waslu elfejn, mitejn wieħed u tmenin immigrant, elf, mija ħamsa u għoxrin inqas meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
F’numru ta’ dikjarazzjonijiet pubbliċi l-Prim Ministru, Robert Abela u l-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri spjegaw kif filwaqt li l-ħidma tal-gvern qed tħalli l-frott, is-settur jibqa’ wieħed li joffri sfida u li l-pajjiż għandu jiffaċċjah bħala front magħqud.