Fl-intervista mal-ġurnalist Fabian Demicoli dwar sentejn fit-tmun tal-pajjiż, il-Prim Ministru kien ċar dwar it-tnaqqis fil-faqar.
Filwaqt li rrikonoxxa li b’miżuri soċjali kbar li wettaq Gvern Laburista, tnaqqas b’mod konsiderevoli l-faqar, il-Prim Ministru Robert Abela mhux se jistrieħ qabel jeradika l-faqar.
Saħaq li waqt pandemija, il-Gvern ħoloq ix-xogħol għall-familji u l-aktar għal dawk li qatt ma kienu jemmnu li jistgħu jaħdmu u ma jibqgħux dipendenti fuq l-għajnuna soċjali.
Dr Abela sostna, “U għalhekk dawk is-sensiela ta’ miżuri li tkellimt aktar qabel; l-in-work benefit, it-tapering fil-benefiċċji soċjali, it-tnaqqis fuq id-dipendenza fil-benefiċċji soċjali, wasslu biex aktar nies daħlu fid-dinja tax-xogħol u dak ix-xogħol imbagħad ta mhux biss dħul iżjed imma ta wkoll dinjità lil kull min qabel ma kienx iħoss li d-dinja tax-xogħol, hija dinja aċċessibbli għalih.”
Dr Abela semma l-kriżi tal-enerġija u x’qed jiġri f’pajjiżi ġirien Ewropej.
Tkellem fuq il-prinċipju li qed jaddotta l-Gvern Malti, dak li l-piż taż-żieda ma jintefgħax fuq il-poplu.
Il-Prim Ministru semma wkoll kif quddiem żieda fil-prezz tal-fjuwil, il-Gvern issussidja s-sisa biex il-prezzijiet tal-fjuwil m’għolewx.
Dr Abeka stqarr, “Meta issa kellna diż-żieda kbira fil-prezzijiet tal-fjuwils internazzjonali, x’għamilna? Jew ngħollu l-prezz tal-pompa jew nagħmlu miżura biex inkunu nistgħu nżommu l-prezzijiet stabbli milli jogħlew. Naqqasna d-dazju u s-sisa fuq il-fjuwils biex stajna nżommu l-prezz tal-pompa kif inhu.”
Il-Prim Ministru spjega wkoll kif waqt pandemija, il-Gvern għamel żewġ Budgets mingħajr taxxi, żied iċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa, żied iċ-children’s allowance u l-istipendji.
Fuq kollox ta żidiet qawwija lill-pensjonanti.
Hu rrimark, “Jiġifieri mhux ħa nsemmi s-seba’ żieda konsekuttiva li għamilna fil-pensjonijiet imma ta’ qabilna ffriżaw il-pensjonijiet u mbagħad kienu qalu ara aħna se nżidu l-pensjonijiet fis-sens li se ntuwhom żieda tal-għoli tal-ħajja. Aħna lill-pensjonanti tajnihom, fil-minimu, tliet darbiet iż-żieda tal-għoli tal-ħajja, mhux talli tajnijilhom sħiħa, tajnihom tliet darbiet.”