Bejn April u Ġunju li għadda, meta l-pandemija għadha magħna, l-ekonomija Maltija rreġistrat tkabbir ekonomiku impressjonanti ta’ 13.4%.
Skont statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO, dan it-tkabbir ekonomiku ġie rreġistrat meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Meta wieħed anki jqabbel mal-ewwel kwart ta’ din is-sena, hawnhekk ukoll l-ekonomija Maltija kibret.
L-NSO qal li ż-żieda fil-prodott domestiku gross, jiġifieri t-tkabbir fl-ekonomija, ġiet minħabba żieda qawwija fis-settur tas-servizzi partikolarment minħabba żieda qawwija fl-attività fil-bejgħ tal-ħwienet u dawk bl-imnut.
Kien hemm anki żieda fl-attività ekonomika fis-settur tal-ospitalità fosthom il-lukandi u anki r-ristoranti.
Hawnhekk kien hawn żieda fl-attività ta’ 165.4%.
Intqal ukoll li d-domanda domestika, jiġifieri n-nefqa tal-Maltin f’pajjiżhom stess ikkontribwixxiet għat-tkabbir ekonomiku.
Fil-fatt f’terimini ta’ volum, id-domanda domestika ikkontribwixxiet għal kważi 12-il punt perċentwal.
Id-domanda minn barra wkoll rat żieda u kkontribwixxiet għat-tkabbir ekonomiku.
Fil-fatt id-domanda minn barra kkontribwixxiet b’mod pożittiv għal 1.6 punti perċentwali riżultat ta’ żieda fl-esportazzjoni u anki fl-importazzjoni.
B’rabta ma’ dan l-aħħar tkabbir ekonomiku, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif waqt pandemija, bħala pajjiż żammejna l-ekonomija b’saħħitha.
Dr Abela qal li kellna wkoll investiment rekord li jixhed ukoll li Malta qabdet it-triq tal-irkupru.
Fuq il-paġna tiegħu fuq facebook, il-Prim Ministru ppubblika ritratt tiegħu jiltaqa’ man-nies is-suq ta’ Birkirkara u qal li tkellem man-nies u sema’ kif dak li ħareġ mill-NSO qed iħossuh in-nies, fejn il-fiduċja għall-ġejjieni hi kbira.
Qal li xogħlu u xogħol il-Gvern li jmexxi huwa li l-frott tar-riżultati sbieħ jinbidel f’politika li tgħin lin-nies kollha jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.
Il-Prim Ministru qal ukoll li riżultat ta’ dan it-tkabbir ekonomiku, Malta tinsab f’pożizzjoni li tkompli tinvesti fi proġetti importanti u sbieħ.