Fil-ġimgħat li ġejjin f’pajjiżna se jiżdiedu għal 31 iċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva.
B’kollox, sal-ġurnata tal-lum hawn 27 ċentru. L-aħħar wieħed ġie mħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet illum, u se jibbenefikaw minnu u jattendu għalih l-anzjani tal-Għargħur.
F’dawn iċ-ċentri, mifruxin madwar il-pajjiż kollu, jattendu madwar 2000 anzjan u anzjana.
L-aħħar ftehim sar bejn l-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Għargħur.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela qal li dawn is-servizzi jvarjaw bejn dawk edukattivi, ta’ taħriġ u anke ta’ attività fiżika.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità Renzo Degabriele qal kif l-anzjani se jkunu jistgħu jagħmlu bosta attivitajiet matul il-ġimgħa u jżommu ruħhom attivi.