L-Ekonomija b’saħħitha ta’ pajjiżna qed twassal għal ħajja aħjar għall-familji u n-negozji. Illum Malta hija suċċess għax hawn Gvern li qed jieħu d-deċiżjonijiet. Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista indirizzata mid-Deputat Laburista Silvio Schembri u Dr Aaron Farrugia.
Farruġia spjega kif f’temp ta’ ġimgħa ħarġu erba’ rapporti ekonomiċi dwar pajjiżna – rapporti pożittivi ħafna dwar l-andament ekonomiku ta’ Malta, iżda li fuq kollox jitkellmu dwar l-impatt ta’ dawn ir-riżultati fuq il-familji Maltin u Għawdxin. “Huwa tajjeb u sabiħ lin-numri jkunu pożittivi u sbieħ, iżda l-aktar importanti huwa li dan iħossuh in-nies,” spjega Dr Farrugia.
Min-naħa tiegħu d-Deputat Laburista, Silvio Schembri, qal li llum dawwarna r-rota mingħajr ma’ l-poplu kellu jagħmel xi sagriffiċji jew żdidulu l-piżijiet. Huwa elenka li dan il-Gvern ħadem biex jgħin direttament lin- nies permezz ta’ inċentivi bħall-inwork benefit, childcare b’xejn, u żieda fil-pensjonijiet fost oħrajn.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet intqal li f’pajjiżna reġa’ hawn il-fiduċja li kienet intilfet. Schembri u Farrugia fakkru mil-liema sitwazzjoni tlaqna, fejn il-qgħad kien ilaħħaq it-8,000 ruħ, hekk kif miri ekonomiċi li kien jagħmel il-Gvern tal-Partit Nazzjonalista kinux jitlaħqu, id-dejn kien ta’ aktar minn 70% tal-prodott gross domestiku u konna fil-proċedura ta’ defiċit eċċessiv tant li l-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Gvern Nazzjonalista jnaqqas mal-€40 miljun min-nefqa tiegħu.
Illum pajjiżna qed ikollu aktar riżultati pożittivi kif juru r-rapporti ta’ Fitch b’rating “A” għal Malta u qalet li Malta għandha dħul għal kull persuna li huwa ogħla meta mqabbel mal-medja ta’ pajjiżi f’kategorija “A”.
Tgħid ukoll li Malta għandha tkabbir ekonomiku robust, u qed ibassru li l-ekonomija se tibqa’ tikber b’rata iktar mgħaġla minn pajjjiżi oħra b’rating A. F’rapport ieħor il-Kummissjoni Ewropea qalet li t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta se jibqa’ iktar qawwi mill-medja Ewropea u l-qgħad se jibqa fl-iktar livelli baxxi, filwaqt li nnotat kif 4% tal-ekonomija reġa’ kellha tkabbir sostanzjali s-sena li għaddiet.
Fil-ġurnata tal-Erbgħa ħarġu wkoll ir-rapport tal-IMF li qed isostni li Malta hija waħda mill-iktar ekonomiji li qed jikbru fl-Ewropa u nnotaw il-ħolqien ta’ impjiegi. Fil-konferenza tal-aħbarijiet intqal li dan ir-rapport jgħid li l-ħarsa għall-ġejjieni hija b’saħħitha, li permezz tal-politika tal-gvern il-miri li hemm se jintlaħqu b’mod komdu.
“Tajjeb li ngħidu li l-Oppożizzjoni ta’ Simon Busuttil kienet tgħidilna li kemm il-darba jitla’ Gvern Laburista se mmorru għall-bail-out, illum huwa ċar li bħal mhu qed jagħmel f’każijiet oħra l-Kap tal-Oppożizzjoni prova biss ibeżża u jxewwex u li Malta hija suċċess u li l-ġid qed jasal għand kulħadd,” qalu Schembri u Farruġia.