Mill-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea, f’pajjiżna jsir l-akbar użu tas-servizz tat-trasport pubbliku, skont statistika li għadha kemm ġiet ippubblikata mill-Eurostat.
F’ċifri miġburin sal-2021 dwar il-mod kif isir l-ivvjaġġar kollu fl-Unjoni Ewropea u kif inbidlu tali tendenzi fl-aħħar snin, 13.3% f’Malta u Għawdex jagħmlu użu mit-trasport pubbliku. Dan hu l-akbar ammont fost is-27 stat membru fl-Unjoni Ewropea, fejn il-medja hi kważi nofs dik f’pajjiżna, 7.1%.
Ta’ min jinnota li din l-istatistika Ewropea, ovvjament, ma tiħux inkunsiderazzjoni l-introduzzjoni tat-trasport pubbliku b’xejn għaċ-ċittadini kollha f’pajjiżna, li beda mill-1 t’Ottubru tas-sena l-oħra.
Skont l-aħħar ċifri mill-Malta Public Transport, jirriżulta li f’Awwissu li għadda kien hemm numru rekord ta’ passiġġieri tat-trasport pubbliku f’pajjiżna, li laħħaq is-sitt miljun vjaġġatur.
Dan minbarra li riċentament, is-servizz baqa’ jinvesti fil-vetturi elettriċi għal inqas tniġġis fl-arja wkoll. Fl-aħħar jiem tħabbru 30 tal-linja ġdida li jaħdmu bl-elettriku b’investiment ta’ €20 miljun.
L-uniċi pajjiżi oħrajn li, fl-2021, kienu jaqbżu wkoll l-10% bħalna huma l-Ungerija (12.8%), l-Irlanda (12.4%), ir-Rumanija (12.3%), l-Italja (12.1%), Ċipru (11.1%) u l-Greċja (10.5%).
Il-pajjiżi bl-inqas użu tat-trasport pubbliku huma l-Olanda (2.2%), in-Norveġja (3.8%), il-Litwanja (4.3%), Franza (4.5%), il-Ġermanja (4.5%), il-Portugall (5.3%) u l-Iżvizzera (5.5%).
Il-Eurostat qal li l-aktar mezz użat ta’ trasport fl-Unjoni Ewropea jibqa’ dak tal-vetturi personali bi kważi 80%, imqabblin ma’ vjaġġar bl-ajru (7.3%), b’tal-linja jew coaches (7.1%), bil-ferroviji (5.6%) u bil-baħar (0.3%).
Minkejja dan, fil-kontinent Ewropew bejn l-2011 u l-2021 kien hemm tnaqqis ta’ vjaġġar bl-ajru u żieda fit-trasport bil-vetturi personali matul il-perjodu tal-COVID-19 fejn l-ajruporti kienu magħluqin kawża tar-restrizzjonijiet imposti.
L-aħbar immarkat il-Ġimgħa ta’ Mobilità Ewropea, li tiġi ċċelebrata kull sena bejn is-16 u t-22 ta’ Settembru, bil-għan li tqajjem kuxjenza akbar dwar mobilità sostenibbli f’żoni urbani.