Deċiżjonijiet li ħa u qed jieħu dan il-Gvern waslu biex illum hawn kunsens li l-ekonomija miexja ‘l quddiem u lin-numru ta’ xogħol maħluq huwa bla preċedent
F’konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Ħamrun indirizzata mid-Deputat Laburista Silvio Schembri u minn Dr Gavin Gulia ntqal kif frott id-deċiżjonijiet li ħa u qed jieħu dan il-Gvern illum waslu għall-kunsens li l-ekonomija miexja ‘l quddiem u lin-numru ta’ xogħol maħluq huwa bla preċedent.
Id-Deputat Laburista Silvio Schembri sostna li l-ikbar indikatur ta’ ekonomija li tkun sejra tajjeb huwa x-xogħol u saħaq li llum l-opportunitajiet ta’ xogħol milli hawn nies jirreġistraw.
Silvio Schembri qal li dan is-suċċess ekonomiku ma ġiex waħdu u fakkar kif dan il-Gvern telaq minn sitwazzjoni fejn il-Kap tal-Oppożizzjoni kien jgħid li “Labour won’t work” u li kellna mmorru għall-bail-out, iżda llum huwa ċar li huwa mar kompletament żmerċ. Id-Deputat Laburista tenna li dan it-tkabbir ekonomiku kien possibli minħabba żieda fil-konsum privat fejn in-nies għandhom aktar flus fil-but anke minħabba l-inċentivi li daħħal Gvern Laburista u minħabba l-investiment u l-andament tan-negozji fejn dawn żiedu l-qligħ tagħhom b’50% meta mqabbel mal-aħħar sena ta’ Gvern Nazzjonalista.
Schembri elenka mizuri li għamlu d-differenza fil-ħajja tan-nies bħat-traħħis fil-kontijet tad-dawl u l-ilma, iċ-childcare b’xejn, iż-żieda fil-pensjonijiet, l-in-work benefits u tapering tal-benefiċċji kif ukoll it-tnaqqis tal-income tax biex illum kull min jaħdem qed igawdi minn tnaqqis fit-taxxa.
Id-Deputat Laburista stqarr li minkejja dan is-suċċess ekonomiku li kulħadd jista’ jara u jħoss xorta waħda għad fadal xi jsir f’dak li huma kirjiet fejn saħaq li l-Gvern ġa għamilha ċara li jekk se jibqa’ għaddej l-abbuż se jkun qed jintervjeni fis-suq u l-paga minima fejn tenna li kif intqal diġa’ jidher li hemm qbil bejn il-partijiet kollha.
Fl-aħħarnett Silvio Schembri fakkar li dan il-Gvern telaq minn sitwazzjoni ta’ pajjiż li kien fl-excessive deficit procedure u bil-qgħad ilaħħaq it-8,000 ruħ biex illum frott id-deċiżjonijiet idawwret ir-rotta ekonomika.
Min-naħa tiegħu, Gavin Gulia spjega kif illum pajjiżna qed igawdi minn tkabbir ekonomiku li qabeż l-aspettativi ta’ kulħadd inkluż tal-Aġenziji ta’ Kreditu u l-Kummissjoni Ewropea.
Dr Gulia spjega kif illum l-ekonomija ta’ pajjiżna qed toħloq 22 impjieg full-time kuljum fejn għal erba’ snin konsekuttivi Malta kellha l-aqwa tkabbir fl-impjiegi fl-Unjoni Ewropea kollha.
Gavin Gulia stqarr iżda li l-aktar ħaġa importanti huwa li t-tkabbir ekonomiku li qed jesperjenza pajjiżna qed jasal għand il-familji Maltin u Għawdxin u n-negozji.
Huwa semma’ setturi bħat-turiżmu li għenu mhux ftit biex tkompli tikber l-ekonomija u għamel referenza wkoll għall-investimenti ġodda li ħolqu u se joħolqu aktar postijiet tax-xogħol, investiment bħal fl-oqsma tal-edukazzjoni u s-saħħa.