F’Ottubru li ġej, waqt il-Malta Maritime Summit Week, se ssir l-ewwel edizzjoni tal-Malta Maritime Awards.
F’Malta s-settur marittimu huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija Maltija u huwa settur kruċjali għall-konnettività tal-gżira mal-bqija tad-dinja.
B’hekk din is-serata se tippremja u tirrikonoxxi x-xogħol u d-dedikazzjoni ta’ individiwi li jagħmlu ħilithom biex Malta titqies bħala ċentru ta’ eċellenza fis-settur marittimu.
Apparti hekk, is-summit innifsu se jlaqqa’ flimkien numru ta’ partijiet li huma involuti fis-settur, kemm lokament kif ukoll barra minn Malta, biex jiddiskutu l-isfidi u l-opportunitajiet li qed tiffaċċja din l-industrija flimkien mat-triq ’il quddiem lejn settur marittimu aktar sostenibbli u reżiljenti.
“Il-Malta Maritime Summit se ssir din is-sena, mit-3 sas-7 ta’ Ottubru, summit internazzjonali fejn se jiġu players kbar biex jipparteċipaw u se nagħtu din is-sena għall-ewwel darba, il-Malta Maritime Awards għal nies li taw kontribut lil Malta.”
Din is-serata ta’ premjazzjoni mistennija sservi ta’ pjattaforma li toffri aktar motivazzjoni lill-ġenerazzjoni żagħżugħa biex tersaq u tibda karriera fil-qasam marittimu.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura, u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, fakkar li Malta minn dejjem kienet titqies bħala ċentru ta’ kummerċ marittimu u matul is-snin kompliet tikseb u tistabbilixxi ruħha fis-settur marittimu.
“Malta llum saret ċentru ta’ eċċellenza fejn qegħdin inkomplu nikbru mhux biss fejn jidħol trans-shipment bħala hub fil-pajjiż imma wkoll fejn jidħol il-cruiseliner terminal, il-bandiera Maltija u r-reġistru Malti kif ukoll ix-ship u l-yacht repair.”