L-ewwel mużew f’Malta ddedikat għall-arti kontemporanja – il-Malta International Contemporary Art Space, il-MICAS, – se jiġi inawgurat għall-pubbliku f’Ottubru li ġej, permezz ta’ programm inawgurattiv li se jiftaħ bis-sehem tal-artista viżjonarja Portugiża, Joana Vasconcelos.
Bit-tlestija ta’ dan il-mużew, tnax-il tomna fil-Furjana, se tingħata lura lill-pubbliku Malti, u t-turisti li jżuruna bis-saħħa tal-arti.
Dan il-mużew se joffri spazju lill-viżitaturi ta’ kampus multidimensjonali, u l-pubbliku se jkun jista’ jgawdi mill-fortizza rrestawrata tas-seklu sbatax tal-Ospizio, spazji ta’ galleriji espansivi fuq ġewwa, ġonna ta’ skultura fil-miftuħ, u kafetterija.
Permezz tal-artista Portugiża, li riċentament ġiet ikkummissjonata biex tfassal l-istejġ għal Chrisitan Dior waqt il-Paris Fashion Week ta’ din is-sena – l-esebizzjoni tal-ftuħ tal-MICAS se tkun imlewna, relevanti, u reżonanti mal-viżitaturi, kemm lokali kif ukoll internazzjonali.
Għall-esebizzjoni tagħha, Vasconcelos se timpenja ruħha b’mod profond ma’ Malta, u se tiċċelebra wkoll l-arkitettura kontemporanja tal-MICAS.
Xahar wara, il-MICAS se jiċċelebra wkoll skultura ewlenija, li għadha kif ġiet ikkummissjonata lill-artist rinomat Malti Ray Pitrè, li se titqiegħed b’mod permanenti u prominenti fil-kampus bħala parti mill-kollezzjoni permanenti tal-MICAS.
It-tieni esebizzjoni kkurata tal-MICAS se tinkludi artisti kontemporanji ewlenin ibbażati f’Malta.
Dan kollu jissimbolizza l-bidu ta’ esebizzjonijiet regolari fi ħdan il-mużew, li jesplora u jservi ta’ vetrina għall-artisti bbażati f’Malta.