F’Ottubru reġa’ naqas il-qgħad f’pajjiżna meta mqabbel max-xahar ta’ qabel.
Dan skont statistika uffiċjali maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Fil-fatt f’Ottubru n-numru ta’ persuni qiegħda f’pajjiżna kien ta’ 3,114.
Dan ifisser 271 persuna nqas qiegħda mix-xahar ta’ qabel.
Il-qgħad ilu jonqos mix-xahar ta’ Ġunju wara li kienet faqqgħet il-pandemija.
Dan ifisser li għall-ħames xahar konsekuttiv naqas il-qgħad.
Filwaqt li f’Mejju l-ammont ta’ nies jirreġistraw kien ta’ 4,409, sal-aħħar ta’ Ottubru n-numru ta’ dawk ifittxu xogħol naqas bi kważi 1,300.
F’Ġunju, wara li l-Prim Ministru Robert Abela kien ħabbar il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika, il-qgħad kien diġà niżel bi kważi mija u erbgħin persuna.
F’Lulju, bit-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq is-settur turistiku, il-qgħad niżel bi kważi mitejn u disgħin.
Dan filwaqt li f’Awwissu reġa’ naqas il-qgħad bi ftit aktar minn tliet mitt persuna.
F’Settembru wkoll, għar-raba’ xahar konsekuttiv, Malta kellha l-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro.
Fi stqarrija l-Gvern innota li b’kuntrast ma’ diversi pajjiżi madwar id-dinja fejn il-qgħad għadu qiegħed jirranka ‘l fuq, pajjiżna diġà qed ikollu suċċess fil-ġlieda kontra l-effett ekonomiku tal-COVID-19. Il-Gvern se kkompli bil-ħidma biex aktar persuni jsibu impjieg ġdid u pajjiżna jirriġenera l-ekonomija u joħloq ġid li jasal għand kulħadd. L-implimentazzjoni tal-budget għall-2021 mistennija tkompli twassal għal aktar impjiegi u opportunitajiet ekonomiċi ġodda.
October was the 5th month during which #unemployment fell; with half of those who lost their #job after the pandemic now back at work. Every day since June 8 persons regained #employment. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) November 20, 2020