B’investiment ta’ kważi tlieta u tletin miljun ewro, f’Ottubru li ġej se jinfetaħ Ċentru ġdid tar-Riżorsi fil-kulleġġ tal-MCAST.
Dan il-proġett huwa ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea u se jkun qed jagħti l-opportunità lill-istudenti biex jitħarrġu fir-riċerka bl-aħjar mod possibbli permezz ta’ spazji flessibbli u l-aħjar teknoloġija.
Dan iċ-ċentru se jkollu wkoll sala ġdida u librerija, li se tkun aċċessibbli għal kull min jixtieq jagħmel xi tip ta’ riċerka u b’hekk permezz ta’ dan il-bini, l-MCAST se jkompli jiftaħ il-bibien tiegħu.
F’kumment ma’ din il-kamra tal-aħbarjiet, id-Deputat Prinċipal għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-MCAST, Dr Alex Rizzo, qal x’kien il-ħsieb wara dan iċ-ċentru.
Huwa qal, “Però fil-passat ma kellniex post fejn tinġema’ r-riċerka kollha u fejn ir-riċerkaturi jiltaqgħu flimkien u jikkollaboraw bejniethom u jiltaqgħu mal-istudenti u fejn tintwera r-riċerka tagħhom. Dan huwa l-ħsieb wara dan iċ-ċentru.”
Il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Owen Bonnici, flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni, Justyne Caruana, żaru ix-xogħolijiet li għaddejjin f’dan iċ-ċentru.
Kien hawnhekk li l-Ministru Bonnici tenna li dan il-proġett ħa jkun wieħed importanti għall-poplu Malti kollu għaliex se jixpruna iżjed l-innovazzjoni.
Il-Ministru Bonnici stqarr: “L-iktar importanti huwa l-valur miżjud li jagħti lil pajjiż li ċentru bħal ma huwa l-MCAST ikun jista’ joħroġ b’soluzzjonijiet fl-oqsma kollha illi jagħtu titjib fil-livell tal-għajxien u fil-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti f’oqsma importanti bħal kura tas-saħħa u bħax-xjenza.”
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li huwa importanti li nkomplu noħolqu spazji fejn l-istudenti jistgħu joħolqu xogħol innovattiv u kreattiv.
Il-Ministru Caruana sostniet: “Ħa jkunu qed jaħdmu flimkien biex joħolqu affarjiet ġodda. Din hija r-riċerka u l-innovazzjoni biex naraw l-ekonomija ta’ pajjiżna tissaħħaħ u tesplora wkoll orizzonti ġodda u anke setturi ġodda.”
Waqt din iż-żjara, il-Prinċipal tal-Kulleġġ, il-Professur Joachim James Calleja, qal li dan iċ-ċentru ħa jkun qed ikompli jistabilixxi l-MCAST bħala ċentru ta’ eċċellenza fl-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ.