F’Ottubru li għadda, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ 590,278 passiġġier.
Fi stqarrija l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta irrapporta rkupru ta’ 84 fil-mija tat-traffiku li kien irrapporta f’Ottubru tal-2019, is-sena ta’ qabel il-pandemija.
Il-proporzjon ta’postijiet mimlijin fuq l-ajruplani f’Ottubru laħaq is-86 fil-mija. Dan ifisser żieda ta’ kważi erbgħa fil-mija meta mqabbel mal-istess xahar ta’ tliet snin ilu, is-sena ta’ qabel il-pandemija.
L-ajruport qal ukoll li l-Italja baqgħet l-aqwa suq tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, u warajh kien hemm ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza, u l-Polonja.
Ħareġ ukoll li s-swieq tal-Italja, Franza, u l-Polonja komplew jirreġistraw tkabbir fuq tliet snin ilu.
Ix-xahar ta’ Ottubru ġab fi tmiemu l-istaġun tas-sajf għall-ajruport Malti u matul dan il-perjodu għaddew aktar minn 4 miljun passiġġier. F’dan il-perjodu, l-ajruport Malti serva mija u tliet destinazzjonijiet.