Il-fotografu Malti, Darrin Zammit Lupi, ngħata premju internazzjonali fejn ġie rekognizzat bħala l-Fotografu tas-Sena 2016 minn The Societies waqt il-Konvenzjoni Annwali u l-London Photo Show.
L-avveniment ttella’ fl-14 ta’ Jannar fejn preżenti għal dan ir-riċeviment kien hemm ‘l fuq minn 400 persuna.
Dawk li ġġudikaw ir-ritratti qalu li “ir-ritratt li ħa sehem bih Darrin huwa wieħed li jgħaqqad il-ġeometrija ma’ mument definittiv. Ir-raġel bil-kappel huwa punt fokali perfett.”
Zammit Lupi, apparti t-titlu prestiġjuż, ingħata kamera tad-ditta Fujifilm XT2 b’lenti XF518-55mm u kif ukoll vjaġġ b’kollox imħallas biex imur il-WPPI Convention f’Las Vegas b’titjir u ħamest iljieli akkomodazzjoni b’valur ta’ £3,200.
Darrin qal “dan huwa lejl li se nibqa’ niftakru għal ħajti kollha. Li ngħatajt it-titlu tal-Fotografu tas-Sena 2016, kif ukoll Fotografu tal-ħajja fit-Toroq, waqt The Societies for Photographers f’Londra bir-ritratt li kien meħud fl-entratura tal-Belt Valletta.”