Ir-ritratti rebbieħa tal-kompetizzjoni fotografika dwar l-abitat naturali organizzata minn Heritage Malta se jkunu esebiti wkoll f’Għawdex fl-uffiċċju tal-aġenzija fiċ-Ċittadella.
Il-kompetizzjoni kienet miftuħa għal tliet kategoriji, Flora, Fawna u Baħar. Minbarra li ntgħażlu tliet ritratti rebbieħa f’kull kategorija, intgħażel ukoll l-aħjar ritratt minn fost l-għaxar finalisti. It-tliet ritratti rebbieħa kif ukoll is-sitt ritratti li kklassifikaw fit-tieni post f’kull kategorija kienu għall-wiri fil-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali.
Issa se jkunu esebiti wkoll fl-uffiċċju ta’ Heritage Malta fiċ-Ċittadella bejn l-20 ta’ Marzu u t-30 t’April. Heritage Malta spiss tirrepeti attivitajiet f’Għawdex sabiex iżżid l-aċċessibbiltà għall-kollezzjonijiet. Il-wirja se tkun miftuħa mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn id-9.00am u l-4.00pm. Id-dħul huwa b’xejn.
Din il-kompetizzjoni attirat l-interess ta’ 43 fotografu li ssottomettew iktar minn 340 ritratt dwar l-abitat naturali Malti u kienu jinkludu fjuri, għasafar, mammiferi, rettili, ħut u ħlejjaq oħra. Il-ġurija kellha kummenti pożittivi għall-kwalitá għolja tar-ritratti sottomessi u ma kenitx faċli għall-ġurija sabiex tagħmel l-għażliet tagħha.
Uħud mir-ritratti sottomessi għal din il-kompetizzjoni ġew riprodotti wkoll fuq kartolini u jistgħu jinxtraw minn ħwienet ta’ Heritage Malta.
Għal aktar informazzjoni żuru: http://www.heritagemalta.org