Malta: pajjiż ċkejken iżda relevanti.
Good Country.org huwa sit li janalizza l-kontribut li kull pajjiż jagħti u b’mod globali Malta tikseb riżultat tajjeb bis-27 minn 163.
U jekk ngħidu li l-Maltin qalbhom tajba jidher li dan mhux għalxejn. Għax skont dan ir-rapport Malta tinsab fis-seba’ post f’dik li tissejjaħ World Order. Hawn ikun ikkalkulat il-kontribut fl-ordni globali skont il-karità, il-ħarsien tar-refuġjati, it-trattati tan-Nazzjonijiet Maqgħquda ffirmati u anke r-rata ta’ twelid. Dan kien l-aħjar riżultat li kiseb pajjiżna, u jinsab fil-quċċata ma’ pajjiżi bħall-Awstrija, li kisbet l-ewwel post, il-Ġermanja, fit-tieni post, u d-Danimarka fit-tielet post.
Eċċelleajna wkoll fil-kontribut kulturali. Fih pajjiżna ġie fid-disa’ post. Dan jikkunsidra ħwejjeġ bħall-liberta’ tal-espressjoni u tal-istampa, il-kontribuzzjoni lejn il-UNESCO, u servizzi kreattivi fil-pajjiż u pajjiżi barranin. L-aqwa pajjiżi f’dan il-qasam skont The Good Country huma il-Belġju fl-ewwel post, id-Danimarka fit-Tieni Post, u L-Iżvezja fit-tielet post.
Interessanti wkoll ir-riżultat marbut mat-tibdil fil-klima u l-ambjent. Malta, il-pajjiż li s-sena li għaddiet ġabar iktar minn 50 kap ta’ stat li għamlu dikjarazzjoni dwar il-bidla fil-klima jinsab fis-27 post minn dawk il-pajjiżi kollha. Ta’ kontribut ukoll il-fatt li proġetti ewlenin tal-gvern qed inaqqsu l-emissjonijiet u l-ħsara l-ambjent.
Malta tissemma ma’ pajjiżi ferm ikbar minnha anke fl-oqsma l-oħra li s-sit jirriċerka dwarhom. Għalkemm hawn ninsabu inqas avvanzati. Fil-qasam tal-kontribut xjentifiku, Malta tinsab fit-63 post. F’ dak li hu kontribut għall-paċi globali Malta kisbet il-129 post. Fl-oqsma tas-saħħa ninsabu fis-60 post.
Kull darba huwa kkalkulat is-servizz lejn id-dinja u mhux is-sitwazzjoni lokali.
Is-sit hu mmirat li jgħallem lis-segwaċi tiegħu li l-bidla fid-dinja tibda bihom nfushom. Filwaqt li huwa importanti li dak li jkun jieħu ħsieb tiegħu innifsu, dan għandu jikkunsidra ukoll l-ambjent u n-nies ta’ madwaru biex jara x’kontribut jista’ jagħti lill-komunita, kontribut, li eventwalment jinfirex fuq skala ħafna ikbar.