Malta kienet wieħed mill-ħames pajjiżi li n-nefqa tagħhom fuq l-edukazzjoni qabżet il-5%, meta wieħed iqabbel l-2014 mas-sena ta’ qabel.
Dan filwaqt li fl-Unjoni Ewropea kollha ż-żieda fl-investiment kienet ta’ 1.1%. Għaxar pajjiżi naqsu l-investiment tagħhom b’mod sostanzjali meta mqabbel mal-2013.
Jgħid dan ir-rapport tal-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ tal-Kummissjoni għall-elfejn u sittax. Li hi l-ħames edizzjoni ta’ dan ir-rapport annwali li jiġbor flimkien firxa wiesgħa ta’ evidenza biex juri l-mod kif qed jevolvu s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Ewropa.
Ikejjel ukoll il-progress li għamlet l-Ewropa fl-ilħiq tal-għanijiet tal-miri ewlenin għall-edukazzjoni ta’ Ewropa elfejn u għoxrin, bħala parti mill-istrateġija usa’ tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi.
Fir-rapport tagħha l-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet li Malta qed tinvesti bil-kbir fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Jgħid li ttieħdu miżuri riċenti li mmodernizaw il-kurrikulu, li jtejjeb il-kwalita tat-tagħlim u li jippromwovu l-ħiliet diġitali.
Intqal li grazzi għall-inizjattivi meħuda “it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol hija iktar faċli minn ħafna pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.
Minkejja dan ma jfissirx li mgħadx baqa’ sfidi. Fil-fatt jingħad li minkejja t-titjib li kien hemm għadha ta’ tħassib ir-rata ta’ studenti li jitilqu kmieni mill-iskola u r-rata ta’ studenti li jlestu l-livell ta’ edukazzjoni terzjarju għadha baxxa.