Mill-Ħamis 3 ta’ Novembru, sa nhar il-Ħadd 6 ta’ Novembru, fl-MFCC f’Ta’ Qali se tittella’ Playcon expo, li se tiġbor taħt saqaf wieħed fost l-aqwa esponenti lokali u internazzjonali fis-setturi tal-video games u l-esports.
Din se tkun miftuħa b’xejn għall-pubbliku fejn, fuq medda ta’ 5,000m2, aktar minn 25 kumpanija li jiżviluppaw il-video games u jorganizzaw esports se jkunu qed joffru esperjenzi ta’ tagħlim, kompetizzjonijiet u divertiment. Fil-fatt, waqt li żar l-aħħar preparamenti għal din l-expo, il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri, ġie spjegat kif fost oħrajn fil-jiem li ġejjin se jiġu organizzati numru ta’ kompetizzjonijiet tal-esports fejn aktar minn 500 kompetitur tal-logħob Fortnite, Tekken7 u Sim Racing fost oħrajn, irreġistraw fuq il-pjattaformi onlajn għall-kompetizzjonijiet bi premjijiet minn Playcon.
Ġie spjegat ukoll kif l-akbar kompetizzjoni li qed tiġi organizzata hija dik ta’ Malta Royale bil-logħba tant popolari Fortnite.
Hawnhekk 300 kompetitur se jkunu qed jikkompetu bil-finali ssir il- Ħadd filgħaxija fuq stage artistiku żviluppat b’ispirazzjoni Maltija.
Dwar it-temi prinċipali li fuqhom hija msejsa din l-expo tant popolari ma’ ħafna Maltin, tkellimna ma’ Stephen Bezzina.
Huwa qal, “Din is-sena reġa’ għandna Playcon magħna. Playcon attivita organizzata minn GMR u Gaming Malta fejn fiha qegħdin nerġgħu nħarsu lejn id-dinja tal-Esports, Game Development u Game Design.”
Bezzina spjega wkoll kif kumpaniji internazzjonali bħal, Microsoft, Exient, ESL u kumpaniji oħra se jkunu parti minn Playcon.
Fil-fatt, il-Kap Eżekuttiv tal-ESL, Jaap Visser spjega wħud mill-attivitjiet li ser ikunu qed itellgħu waqt din l-edizzjoni ta’ Playcon.
Stqarr, “We are at Playcon. We have different activities. We have our own small league where people can compete. We have merchandise shops where people can buy the merchandise and play some FIFA and Rocket League and of.”
Waqt iż-żjara tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri sostna l-importanza tat-twaħħid tal-element edukattiv ma’ dan l-Expo. Dan sabiex aktar żgħażagħ f’pajjiżna jkunu iktar infurmati dwar dawn is-setturi u d-direzzjoni li għandhom jieħdu favur karrieri f’dawn l-oqsma.
Il-Ministru qal, “Bl-expo ta’ llum ta’ Playcon li huwa avveniment issa li qed isir għat-tieni ġewwa pajjiżna għandna numru sabiħ ta’ kumpaniji li diġà qed joperaw minn Malta però attenzjoni speċjali għall-istudenti. Rajna kif ninvolu ammont ta’ studenti minn 70 skola madwar Malta u Għawdex. Ħa jkun hawn 5,000 student li se jkunu qed jiġu hawnekk u ħa nkunu qed naraw li jkun hemm l-entitajiet bħal Università u l-MCAST li jispjegawlhom x’tip ta’ courses qed joffru għalihom u x’tip ta’ xogħlijiet li din l-industrija tista’ toħloq.”