L-Ukrajna rrapportat li l-forzi Russi splodew pipeline tal-gass. Din l-isplużjoni tista’ twassal għal katastrofi ambjentali.
Intqal li dan l-attakk sar fit-tieni l-akbar belt Ukrena, Kharkiv, wara li l-forzi Russi s’issa għadhom ma rnexxilhom jieħdu taħt idejhom din il-belt, fejn saħansitra bħalissa għaddejja battalja qalila.
Fil-fatt, tard is-Sibt filgħaxija, is-Servizz tal-Emerġenza Ukren ħabbar li nqatlet anzjana filwaqt li kellhom jiġu salvati 24 persuna wara li binja ta’ disa’ sulari kienet fil-mira ta’ attakki mill-art.
Huwa mifhum li fil-ħin tal-attakk, mas-60 persuna kienu moħbija fil-kantina u li ħadd minnhom ma’ weġġa’.
Ir-residenti tal-belt li fiha popolazzjoni ta’ miljun u nofs persuna, ġew imwissija biex jgħattu l-aperturi b’biċċiet niedja jew garżi li jassorbu l-likwidi, minħabba l-attakk li sar fuq il-pipeline u depot taż-żejt.