Il-Ministeru għall-Ambjent u l-Ippjanar ħabbar li tnieda Forum konsultattiv sabiex joħroġ bi proposti medji u fit-tul għall-kunċett ta’ pjanar intelliġenti f’pajjiżna.
Il-Ministru Aaron Farrugia qal li għalkemm is-settur tal-kostruzzjoni hu wieħed kruċjali għall-iżvilupp tal-ekonomija ta’ pajjiżna u joħloq il-ġid u jimpjega eluf ta’ nies, dan xorta waħda ma jistax jitħalla jopera mingħajr limiti.
Il-Ministru Farrugia stqarr: “Laqqajna Forum Konsultattiv magħmul minn diversi stakeholders li se jiddiskutu l-policies li għandna llum il-ġurnata fejn irridu naslu u kif ukoll l-inċentivi li wieħed jista’ jintroduċi.”
Fil-fatt dan il-forum Konsultattiv għall-Ippjanar Intelliġenti se jkun qed iħares lejn numru ta’ partijiet differenti fl-oqsma tal-iżvilupp, tal-ippjanar u tal-ambjent.
Cyrus Engerer, il- Ko-Chairman ta’ dan il-Forum spjega: “Dan il-forum ħa jkun qed jitkellem bid-diversi stakeholders fih kif jista’ jkollna żvilupp li huwa iktar intelliġenti minn dak li kellna. Is-sabiħ tiegħu naħseb huwa l-fatt li għandna l-ambjentalisti u kif ukoll dawk li jaħdmu fis-settur tal-kostruzzjoni flimkien nitkellmu u nifthemu l-viżjoni għal pajjiżna x’għandha tkun.”
Dr Stephanie Fabri sostniet li dan il-forum se jiddiskuti wkoll politika ta’ kif il-pajjiż jista’ jirkupra mill-effetti negattivi tal-pandemija permezz ta’ inizjattivi ambjentali.
Hija qalet: “Niddiskutu areas sabiex naraw kif se nirkupraw minn din il-pandemija b’policies li huma aktar favur l-ambjent.”
L-ewwel mandat ta’ dan il-forum, li ltaqa’ għall-ewwel darba l-Erbgħa, hu li jiddentifika l-iktar materji pertinenti fil-qasam tal-ippjanar f’Malta u jiżviluppa proposti f’dan ir-rigward.
Hu mbassar li l-ewwel xogħol ta’ dan il-forum għandu jkun lest fi tliet xhur.