Forti Sant’Anġlu se jiftaħ kuljum għall-pubbliku ġenerali mill-ewwel ta’ Novembru. Fil-forti saru xogħlijiet ewlenin u partijiet sostanzjali ġew restawrati biex issa jinsabu lura għall-glorja preċedenti tagħhom.
Apparti milli jżur l-forti, il-pubbliku se jkollu opportunità jara veduti spettakolari tal-Port il-Kbir u tal-Belt Valletta.
Il-proġett ta’ restawr ta’ € 14,500,000 kien inawgurat fl-2015. Tul is-sena li għaddiet saru numru ta’ avvenimenti organizzati, inklużi laqgħat għall-mexxejja tal-istati tal-Commonwealth u tal-gvernijiet matul CHOGM.
F’post dominanti fil-ponta tal-Birgu, Forti Sant’Anġlu dejjem kienet ta’ importanza kbira minħabba l-pożizzjoni strateġika tagħha. Minħabba l-irwol li kellha matul l-istorja Maltija, Forti Sant’Anġlu twiegħed esperjenza ġenwina u memorabbli.
Fis-sit hemm ċentru ta’ interpretazzjoni li jippreżenta informazzjoni dwar il-forti u l-istorja tagħha.