F’dinja iddominata mit-teknoloġija huwa dejjem sabiħ li l-istudenti jħallu xi ftit il-gadgets tagħhom u jgawdu xi ftit il-kampanja. Dan jieħu sens isbaħ meta din tkun parti minn esperjenza edukattiva li tgħin lil kull student, iżda b’mod partikolari dawk bi problema fl-imġiba.
B’inizjattiva tal-Birdlife u maċ-Ċentru tal-Edukazzjoni u r-riċerka ambjentali fl-Università ta’ Malta sar studju li fih kien ikkonfermat dan il-bżonn, kif spjega Mark Mifsud mill-istess Università.
“Ħafna żgħażagħ qed iħossuhom maqtugħin mill-ambjent fosthom minnħabba d-dinja diġitali, u l-ġenituri tagħhom jaħdmu t-tnejn, allura m’għandhomx ċans jeħduhom fil-kampanja. Jippreferu d-dar”.
L-istudju sar wara li Birdlife għamlet programm ta’ sena mimli attivitajiet għall-istudenti tal-iskejjel primarji u sekondarji. Biex hekk imliet il-vojt li qed jinħass f’ħafna familji.
L-attivitajiet involuti jieħdu lill-studenti f’postijiet bħar-riżerva Simar u l-Għadira, fejn ikollhom attivitajiet fi grupp jew individwali.
Il-preżentazzjoni tal-istudju saret fil-presenza tal-Ministru għall-edukazzjoni Evarist Bartolo. Mifsud spjega kif issa mhux biss wieħed se jara l-effett tal-programm tal-Birdlife, iżda iktar minn hekk dan se jitjieb.