F’intervista online, Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco tkellem dwar dak li Simon Busuttil għadu ma lissen ebda kundanna dwaru: l-attakki fuqu mill-blogger Nazzjonalista, Daphne Caruana Galizia.
Fi kliem de Marco: “tweġġa’, tweġġa’ għax ovjament mod wieħed jattakkani għal assenza mhux ġustifikata…imma meta jkollok assenza ġustifikata, wieħed kien japprezza xi ftit sensittività”.
Mistoqsi kif jirreaġixxi għall-fatt li Busuttil ma qabeż għalih xejn, de Marco kellu jwieġeb “l-attakk ma kienx fil-konfront tal-partit, kien fil-konfront tiegħi”.
Jekk dan mhux biżżejjed, mistoqsi għaliex Busuttil iddefenda lil nies bħall-kandidat Salvu Mallia, iżda lil Viċi Kap le, de Marco wieġeb “forsi ħass iktar il-bżonn li kellu jiddefendi lil Salvu Mallia”.
Dan kien kliem ta’ Viċi Kap meqjus moderat, li ma sabx spalla mill-Kap tiegħu u li kellu juża facebook biex jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu.