Il-Ferrari iddominaw l-ewwel Grand Prix tal-istaġun il-ġdid li sar il-Ħadd wara nofs-in nhar fil-Bahrain. Charles Leclerc daħal l-ewwel segwiet minn sieħbu tal-istess team Carlos Sainz. Min-naħa l-oħra kienet ġurnata diżastruza għar-Red Bull biż-żewġ sewwieqa tagħhom jirtira fl-aħħar laps.
Kien Grand Prix kumbattut, b’taqtiegħa ħarxa bejn Leclerc u ċ-champion renjanti Max Verstappen fuq Red Bull. It-tnejn li huma alternaw bosta drabi l-ewwel post. Hekk kif it-tellieqa dehret li se tintemm b’Leclerc l-ewwel u Verstappen it-tieni, dan tal-aħħar kellu xi problem u irtira zewg laps mit-tmiem. Carlos Sainz ħa postu fit-tieni post bis-sewwieq l-iehor ta’ Red Bull Sergio Perez it-tielet. Izda fl-aħħar lap anke Perez kellu jirtira minħabba problemi fil-magna.
B’hekk fl-ewwel postijiet temmew rispettivament Charles Leclerc u Carlos Sainz, b’Lewis Hamilton fuq Mercedes spiċċa t-tielet.
Is-sewwieq l-ieħor ta’ Mercedes George Russell spiċċa r-raba’.
Segwew fl-ordni Kevin Magnussen (Haas), Valtteri Bottas (Alfa Romeo), Esteban Ocon (Alpine), Yuki Tsunoda (Alpha Tauri), Fernando Alonso (Alpine) u Zhou Guanyu (Alfa Romeo).
Is-suċċess tal-Ferrari fil-Bahrain kompla jikkonferma ir-riżultati u ħinijiet tajba li kellu t-team minn Maranello fl-ewwel testijiet li saru fil-ġimgħat li għaddew.