Il-Gvern ġdid tal-Ġermanja ħabbar li ser ikun qed jaċċetta l-bejgħ kontrollat tal-kannabis lill-adulti għall-użu rikreattiv minn ħwienet liċenzjati.
Din il-proposta, tirrapporta s-sit awtorevoli Forbes, timmira li toħloq suq regolat għall-bejgħ u konsum sigur li tinkludi wkoll ħwienet regolati u intaxxati li ser ikollhom kontrolli fuqhom biex jassiguraw kwalità tajba.
Forbes tirrapporta li din l-inizzjattiva Ġermaniża ssegwi lil Malta li kienet l-ewwel stat membru tal-Unjoni Ewropea li llegalizzat l-kannabis għall-użu responsabbli.
Irrapportat ukoll li din il-proposta kienet fost id-diversi pjanijiet li qablu fuqhom il-partiti kollha li flimkien jgħaqdu l-koalizzjoni tal-Gvern Ġermaniż.
Il-Gvern ta’ soċjo-demokratiku ta’ Olaf Scholz ħa post dak ta’ Angela Merkel li kien Gvern demo-kristjan u li mblokka din il-proposta għal diversi snin.
Intant il-Financial Times qalet li dan il-pjan jista’ jqanqal bidla mingħajr preċedent għan-negozji globali li jkabbru u jbiegħu l-kannabis u huwa pjan li diversi pajjiżi ser ikollhom għajnejhom fuqu.
Minkejja dan, għad m’hemmx data fissa meta din il-proposta ser tidħol fis-seħħ bħala liġi.
Filwaqt li l-konsum tal-kannabis mhuwiex illegali taħt liġi Ġermaniża, li tixtriha hija illegali.
Pożizzjoni kontradittorja għal diversi pajjiżi fosthom l-Olanda, il-Portugall u Spanja fejn il-pussess ta’ ammonti żgħar ta’ kannabis jista’ jwassal għal konsegwenzi ċivili iżda fl-istess waqt hija tollerata fi ħwienet li b’mod partikolari jbiegħu l-kannabis.