Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis attenda għal sessjoni ta’ food-tasting mal-anzjani ġewwa San Vinċenz de Paul.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul Dr Josianne Cutajar qalet li bħalissa għaddej proċess ta’ titjib fis-servizzi tan-nutrizzjoni u l-ikel li jiġi pprovdut lill-anzjani li qegħdin residenti ġewwa din il-faċilità għal kura fit-tul. Il-proċess ta’ titjib jinkludi diskussjonijiet mal-Università ta’ Malta biex jinħoloq kors li jiffoka fuq l-aħjar nutrizzjoni u ikel għall-anzjani, u tibdil fil-menu tal-ikel għar-residenzi ta’ San Vinċenz de Paul.
Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis saħaq li l-għanijiet ta’ dan il-proċess huma li jiġu assigurati l-aħjar prassi tan-nutrizzjoni għal kura fit-tul, li jissaħħu s-servizzi tal-ikel tar-residenti, u li jitjieb tas-social wellbeing tal-anzjani permezz tal-ikel. Dawn is-sessjonijiet ta’ food-tasting qed jagħtu l-opportunità lir-residenti ta’ San Vinċenz de Paul biex huma stess jagħtu l-opinjoni tagħhom fuq l-ikel li qed jiġi inkluż fil-menu il-ġdid. Barra min hekk, qed tkompli tinġabar informazzjoni sabiex il-preferenzi u l-interessi tal-anzjani jingħataw prijorità.
Matul din l-attività, is-Segretarju Parlamentari u l-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul semgħu l-opinjoni tal-anzjani dwar il-porzjon, it-togħma, u t-temperatura tal-ikel. Se jsiru wkoll sessjonijiet ta’ tisjir ġewwa s-swali differenti tar-residenza. Dawn l-attivitajiet joħolqu opportunità għall-anzjani sabiex jintegraw u jipparteċipaw fir-residenza tagħhom u jkunu involuti fid-deċizjonijiet li jaffetwaw il-ħajja tagħhom fir-residenza.