Il-komunità Tarxiniża għandha spazju isbaħ u aktar sigur fejn il-familji jistgħu jqattgħu l-ħin ta’ kwalità flimkien.
B’investiment ta’ mija u disgħin elf ewro minn fondi tal-aġenzija LESA, mill-Fond tan-Norveġja, u minn fondi tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien, ħaddiema mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi wettqu xogħol ta’ tisbiħ u manutenzjoni f’Joanne Gardens, li huwa fost l-aktar ġonna popolari fil-lokalità mar-residenti.
Is-sindku ta’ Ħal Tarxien, Joseph Abela Galea, spjega li dan il-ġnien sarlu tibdil fis-sistema tad-dawl, issewwew il-gazebo tal-injam u ċ-ċnut, ġew installati diversi biċċiet ta’ għamara ta’ barra, u anki ingħatat attenzjoni lill-pjani u s-siġar li hemm fih.
“Nixtieq nirringrazzja minn qalbi liż-żewġ skemi li l-kunsill gawda minnhom, l-iskema tal-LESA ‘Sebbaħ il-Komunità’ kif ukoll in-Norwegian Funds. Nixtieq nirringrazzja minn qalbi lill-Public Works tax-xogħlijiet li għamlu mal-ballabostri għax dan huwa ġnien uniku mdawwar bil-ballabostri, kif ukoll lil Project Green tat-tħawwil ta’ siġar u fjuri li saru ġo dal-ġnien.”
Joseph Abela Galea – Sindku
Dan il-ġnien ġie inawgurat mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri u mill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett.
Il-Ministru Byron Camilleri nnota kif fl-aħħar tliet snin, ġew allokati aktar minn tliet miljun ewro mill-Aġenzija LESA, biex isiru proġetti fil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex li minnhom tgawdi l-komunità.
“Permezz tal-Aġenzija LESA dħalna bi sħab mal-kunsill lokali ta’ Ħal Tarxien fejn sar investiment f’dan il-ġnien li jissejjaħ Joanne Gardens f’Ħal Tarxien, fejn sar refurbishment tiegħu, saru bandli ġodda, sabiex tkun ikun jista’ jkompli jintuża mill-komunità fil-qalba tal-lokalità.”
Il-Ministru Byron Camilleri
Il-Ministru Chris Bonett innota b’sodisfazzjon kif ix-xogħlijiet li saru mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi huma xhieda tal-kordinazzjoni u l-għaqda bejn diversi entitajiet.
“Ġnien daqshekk importanti u popolari mal-komunità Tarxiniża reġa’ ngħata l-ħajja bil-ħidma ta’ ħafna xogħol li sar mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi. Ħa nibqgħu għaddejjin b’dawn il-proġetti. Kull ġimgħa qegħdin taraw proġett ieħor wara l-ieħor, flimkien mas-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia, u qegħdin naraw li nagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar billi nagħtu aktar spazji miftuħa għall-komunitajiet tagħna.”
Il-Ministru Chris Bonett