Il-Gvern se jkun qed jagħti €130,000 lil erba’ Kunsilli Lokali madwar pajjiżna, sabiex jinvestu f’aktar trasport sostennibbli.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport Ian Borg, waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Ħal Luqa.
Dawn il-kunsilli lokali ġew magħżula minn fost is-sittax-il kunsill li applikaw għal dawn il-fondi
Dawn l-erba’ kunsilli lokali huma taż-Żejtun, Birżebbuġa, Ħal Tarxien u Ħal Luqa.
Ħal Luqa ngħata €50,000 u ONE News tkellem mas-Sindku ta’ din il-lokalità dwar dan il-proġett: “Bażikament din hija miżura soċjali wkoll, apparti l-fatt li għandek ċertu anzjani li għandhom problema ta’ mobilità u għal-lum jistgħu jserrħu moħħhom li l-Kunsill Lokali jista’ jipprovdilhom dan it-trasport biex ikunu jistgħu jmorru ċ-ċentru ta’ matul il-jum, imorru l-clinics, mingħajr problemi ta’ xejn.”
Il-Ministru Ian Borg qal kif il-Kunsilli Lokali għandhom bżonn għajnuna permezz ta’ fondi, biex ikunu aktar sostennibli.
Il-Ministru Borg semma kif proġetti bħal dawn jagħtu eżempju ta’ trasport nadif.
Il-Ministru għat-Trasport semma wkoll kif il-Bugdet għas-sena d-dieħla jagħti l-aktar għotja ġeneruża fl-Ewropa għal dawk li jixtru vettura li tniġġes anqas u fakkar fil-qalba tal-flotta tat-trasport pubbliku għal dik elettrika: “Iktar minn xejn, il-Gvern u l-awtorità qegħdin naraw illi l-komunitajiet ikollhom proġetti viżibbli ħalli n-nies tifhem il-bidla li rridu naraw. Il-bidla lejn trasport aktar nadif u mezzi alternattivi, kif ukoll infrastruttura xierqa biex ikunu jistgħu jiġu pprattikati mezzi alternattivi.”