Fond ta’ €150,000 permezz tat-TAKEOFF Seed Fund se jagħti għajnuna lil start-ups u akkademiċi fir-riċerka kif ukoll it-twaqqif ta’ start-ups li jispeċjalizzaw fl-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali.
Dan sar b’kollaborazzjoni bejn l-entitajiet tal-Gvern, il-Malta Digital Innovation Authority, l-MDIA, u l-Università ta’ Malta.
Għal kull proġett, l-għotijiet se jvarjaw bejn €2,500 u €25,000. Il-proġetti se jkomplu jmexxu ’l quddiem il-politika ta’ pajjiżna għall-ekonomija innovattiva u, minbarra hekk, se jsaħħu l-impenn li jitrawwem it-tkabbir f’settur avvanzati.
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, esprima l-importanza ta’ dawn l-inizjattivi biex ikomplu javvanzaw ix-xogħlijiet fis-setturi relatati.
Qal, “Inizjattivi bħal dawn huma importanti mhux biss għax jagħtu għajnuna finanzjarja lil intraprendituri li forsi għandhom idea u rridu jiżviluppawha, iżda wkoll il-kuraġġ li jagħtuhom biex ikomplu javvanzaw mhux biss fir-riċerka tagħhom, imma li jiżviluppaw din ir-riċerka fi prodott jew servizz ġdid.”
It-TAKEOFF Seed Fund Award jifforma parti mill-inizjattivi tal-Ministeru biex jippromwovi l-innovazzjoni, hekk kif dan ix-xahar hu ddedikat proprju għal dan il-għan.
Matul dan ix-xahar, il-Ministeru qed itella’ erba’ avvenimenti kbar bit-tema komuni tal-innovazzjoni u fejn irridu li jmur pajjiżna fis-snin li ġejjin.
Bejn il-Ħamis u s-Sibt li ġej fl-MFCC f’Ta’ Qali se jittella’ s-Start-up Festival & TechXpo u l-Playcon dwar l-industrija tal-video games u l-esports. Imbagħad, bejn it-28 u t-30 t’Ottubru, f’Dar il-Mediterran, il-Belt, pajjiżna se jilqa’ diversi ministri barranin responsabbli minn dan is-settur fl-okkażjoni tal-Global Innovation Forum.