- Transport Malta – l-aktar entità li assorbiet fondi ewropej fl-aħħar erba’ snin
Waqt li kien qiegħed iżur ix-xogħlijiet fuq il-proġett tal-Kappara, s-Segretarju Parlamentari Ian Borg ikkonferma li Transport Malta kienet l-aktar entità li assorbiet minn fondi ewropej matul l-aħħar erba’ snin.
Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg qal dan hekk kif fakkar li Malta – grazzi għall-ħidma kbira fl-implimentazzjoni ta’ bosta proġetti f’dawn l-aħħar snin – kienet appuntu assorbiet il-100% tal-fondi ewropej kollha inkluż il-Fond għall Iżvilupp Reġjonali (ERDF), il-Fond tal-Koeżjoni (CF) kif ukoll il-Fond Soċjali Ewropew (ESF).
Is-Segretajru Parlamentari Ian Borg spjega li l-fatt li Transport Malta kienet l-aktar entità li assorbiet minn dawn il-fondi, turi biċ-ċar ir-rieda ta’ dan il-gvern f’settur daqstant importanti.
B’kollox, il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura assorba madwar €142 miljun fondi ewropej. Minn dawn, Transport Malta fil-fatt se tkun ħadet kważi €92 miljun fondi ewropej f’bosta proġetti li kollha marru għat-titjib tal-infrastruttura tal-pajjiż.
L-investiment fl-infrastruttura tat-toroq tagħna jżid l-aċċessibiltà, is-sigurtà kif ukoll il-konnettività waqt li jkompli jkabbar il-kompetittività ta’ pajjiżna, sostna Dr. Borg.
Dr. Borg qal li riżultat bħal dan jikkonferma wkoll li Transport Malta tinsab kommessa għal ħafna aktar ukoll.
Il-proġett tal-Kappara Junction kien hemm bżonnu. Kulħadd kien konxju li kien hemm bżonn issir xi ħaġa li tindirizza din il-problema li kienet dejjem qiegħda teskala. Kulħadd kien konxju tal-fatt li din l-area partikulari ma kinitx għadha tlaħħaq mad-domanda kbira ta’ traffiku; għaldaqstant kien għalhekk li dan il-gvern ħass li din għandha tkun waħda mill-prijoritajiet.
Is-suċċess fl-implimentazzjoni u t–twettiq ta’ dan il-proġett huwa turija ċara li dan il-gvern jinsab kommess li jindirizza l-bżonnijiet tan-nies bl-aktar mod prattiku u mingħajr dewmien, sostna Dr. Borg.
Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg qal li t-twettiq ta’ dawn il-bosta proġetti taħt it-tmexxija ta’ Transport Malta huma biss parti minn pjan usa’ li għandha din l-amministrazzjoni u li l-gvern jinsab kommess li jkompli jwettaq fix-xhur u s-snin li ġejjin.
Huwa faħħar ix-xogħol u r-ritmu mgħaġġel li qed isir fuq dan il-proġett partikolari u spjega kif riżultati simili jkomplu jimlew b’aktar kuraġġ u entużjażmu mhux biss lill-awtorità kkonċernata iżda wkoll lill-gvern ċentrali li jkompli jinvesti dejjem aktar f’settur daqstant kruċjali u li jolqot b’mod dirett ħajjet in-nies.