Mal-mija u ħamsin bidwi u raħħal se jgawdu minn fond ta’ seba’ mija u ħamsin elf ewro għal miżuri u xogħlijiet li jippromwovu użu iktar effiċjenti tal-ilma fuq l-art agrikola tagħhom.
Kull bidwi jista’ jgawdi minn massimu ta’ ħamest elef ewro.
Ix-xogħlijiet ivarjaw minn titjib fis-sistema ta’ irrigazzjoni sa oħrajn ferm ikbar, bħal restawr ta’ ġwiebi jew tibdil ta’ sistemi ta’ pajpijiet.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma spjega li l-bdiewa li japplikaw se ssirilhom analiżi minn esperti biex flimkien jidentifikaw liema huma l-interventi li għandhom isiru, skont il-ħtieġa tagħhom.
Qal, “Dan jippermettilna li nqabblu l-ammont li jkun iffrankat, il-volum tal-ilma li jkun iffrankat u b’hekk nibdew naraw ukoll liema huma dawk il-miżuri l-aktar effettivi sabiex ’il quddiem ikunu jistgħu jiġu indirizzati, u naraw miżuri oħra li jkunu aktar effettivi u naraw li għajnuna li jista’ jkun hemm ‘il quddiem tkun dik l-għajnuna l-aktar li se tagħmel ġid lis-settur.”
Bidwi li għandu l-għelieqi fl-Imġarr u li diġà bbenefika minn din l-iskema, spjega kif qed jagħmel użu aħjar mill-ilma tax-xita li jaħżen.
Spjega, “L-ilma tagħna kien mielaħ wisq u ma stajniex inkomplu. X’ħin jiġi ċertu żmien jibda l-oġġett jurik, ma jibqax iħaxxem, pereżempju hawn it-tadam hawnhekk, jibda jiġi qisu cherry tomato.”
Il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli saħqet fuq l-importanza tas-sostenibbiltà f’dan il-qasam, u l-Ministru għall-biedja Anton Refalo sostna li s-settur agrikolu f’Malta jibqa’ wieħed prominenti, hekk kif jipprovdi prodott frisk u bnin ta’ kuljum.