Il-klabb tal-waterpolo ta’ San Ġiljan se jkun qed jgawdi minn fondi mill-iskema ta’ Parteċipazzjoni Internazzjonali u mill-iskema ta’ Apparat Tekniku li huma amministrati minn SportMalta.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima waqt żjara fil-pitch ta’ San Ġiljan, fejn saħaq kif għal darb’oħra qed naraw il-Gvern Malti jservi ta’ spalla għal dawn l-assoċjazzjonijiet sportivi.
Huwa qal, “Bħala Gvern qed inkunu spalla għall-assoċjazzjonijiet sportivi u dan isir permezz ta’ SportMalta fejn nagħtu assistenza li hija teknika u allura l-klabb lokali jkunu jistgħu propju jixtru dak li huwa apparat neċessarju għat-taħriġ tal-atleti tagħhom kif ukoll assistenza fejn hi parteċipazzjoni internazzjonali.”
Is-Segretarju Parlamentari saħaq kif fl-aħħar snin, permezz ta’ SportMalta, l-assistenza finanzjarja lil diversi setturi sportivi żdiedet b’mod konsiderevoli. Fil-fatt, apparti l-investiment dirett li qed isir fl-atleti bis-somma ta’ €5 miljun, din is-sena SportMalta diġà allokat aktar minn €800,000 f’assistenzi lill-għaqdiet sportivi.
Min-naħa tiegħu l-President ta’ San Ġiljan ASC Peter Bonavia rringrazzja lill-Gvern għall-għajnuna kontinwa u saħaq li b’dawn il-fondi l-klabb seta’ jibqa’ jinvesti fl-atleti.
Huwa stqarr: “L-għajnuniet li jtuna aħna nkunu nistgħu nieħdu t-tfal Ġiljaniżi kemm biex jitħarrġu barra minn Malta u jieħdu esperjenza barra minn Malta kif ukoll inkunu nistgħu ninvestu f’equipment u b’hekk inkunu nistgħu nżomm it-taħriġ f’livell għoli u nkunu nistgħu nissaħħu bħala waterpolo.”