Żewġ proġetti ta’ riċerka dwar il-marda tal-kanċer li se jitmexxew minn akkademiċi Maltin se jingħataw miljun u mitejn elf ewro mill-Fondazzjoni Maltija għar-Riċerka dwar il-Kanċer, Emanuele.
Dawn il-fondi se jservu ta’ appoġġ lir-riċerkaturi biex ikollhom pjattaforma internazzjonali biex jirreklamaw l-istudju tagħhom, kif ukoll jitfa’ dawl fuq il-potenzjal ta’ Malta bħala sieħeb kruċjali fil-ġlieda globali kontra din il-marda.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet miċ-Chairperson tal-Fondazzjoni għar-riċerka Emanuele, Marie Louise Coleiro Preca, u r-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred Vella.
Proġett minnhom se jiffoka fuq l-assessjar ta’ strateġiji ġodda għat-trattament tat-tumuri fil-glandoli li jaffettwaw il-metaboliżmu u r-riproduzzjoni. F’Malta, dan it-tip ta’ kanċer kapaċi jaffettwa mal-20% tal-popolazzjoni.
It-tieni proġett li ngħata fondi se jutilizza metodi ġodda biex pazjenti b’kanċer fl-imsaren jirċievu trattament aktar effettiv. Dan billi fost l-oħrajn ikun studjat f’aktar dettall il-progress tal-kanċer u tipi differenti tiegħu.
Iċ-Chairperson tal-Fonazzjoni Emanuele Marie-Louise Coleiro Preca qalet li r-riċerka f’dan kollu, u fuq kollox id-dedikazzjoni tax-xjentisti li se jieħdu l-fondi li għandhom bżonn, se jagħti wens kbir u raġġ ta’ tama lill-pazjenti tal-marda qattiela u lil qrabathom.
Ir-Rettur tal-Unversità ta’ Malta, il-Professur Alfred Vella, qal li l-ogħla istituzzjoni edukattiva fil-pajjiż qed tħares biex issa dawn iż-żewġ proġetti jwasslu għal kollaborazzjoni aktar wiesgħa fuq livell internazzjonali.