Għall-budget li jmiss tal-Kummissjoni Ewropea hemm 9 biljun ewro għad-dispożizzjoni tas-27 stat membru f’dak li għandu x’jaqsam ma’ fondi għall-iżvilupp teknoloġiku.
F’Esplora f’Villa Bighi fil-Kalkara, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-fondi Ewropej Aaron Farrugia qal li l-fondi għat-teknoloġija, ir-riċerka, ix-xjenza u l-innovazzjoni triplaw.
Huwa semma kif fl-aħħar snin il-Gvern għamel użu tajjeb tal-fondi u fl-isfond ta’ tkabbir ekonomiku impressjonanti, il-Gvern qed jaħdem biex iġib iżjed fondi.
“L-għan tagħna huwa wkoll illi nikkonvinċu l-Kummissjoni Ewropea illi fil-programm il-ġdid, il-budget Ewropew li jmiss, anki jekk Malta imxiet ‘il quddiem fejn jidħol tkabbir ekonomiku bla preċedent għandna bżonn il-fondi Ewropej, fondi ta’ koeżjoni biex insostnu u nikkonsolidaw dan it-tkabbir ekonomiku li lħaqna.”
Fl-indirizz tiegħu, is-Segretarju Parlamentari qal li partikolarment iċ-ċentru għax-xjenza interattiva tal-Esplora u t-tablet li għandu kull student fir-raba’ sena fil-primarja huma riżultat ukoll ta’ fondi Ewropej.
Ma’ dan ingħaqad iċ-Chairman tal-Kunsill Malta tax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando.
Filwaqt li qal Esplora huwa eżempju brillanti kif il-fondi Ewropej intużaw b’mod tajjeb, saħaq li dan iċ-ċentru qed ikompli jrawwem tfal u adulti fis-settur tax-xjenza.
Settur li pajjiżna għad fadallu x’jaqdef iżda miexi fid-direzzjoni t-tajba, saħaq Pullicino Orlando.
Ma’ dan l-istazzjon huwa tkellem kif il-fondi Ewropej li se jkomplu jinkisbu se jgħinu biex fost l-oħrjan, il-kunċett t’Esplora jitwessa’.
“Qed naħdmu wkoll fuq il-proġett il-ġdid tagħna, l-Esplora Natura, li se jkun biswit l-Esplora u qed nimmiraw biex anki saħansitra dan il-proġett li ħa jagħti esperjenza aktar iffukata fuq l-istorja naturali ta’ pajjiżna, huwa filfatt ukoll wegħda ta’ din l-amministrazzjoni, ta’ dan il-Gvern, ukoll jiġi ffinanzjat, jiġi mgħejjun fondi ERDF, fondi mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea.”