Sal-elfejn sebgħa u għoxrin, il-gżira Għawdxija se tibbenefika mill-akbar ammont ta’ fondi Ewropej li qatt se jkunu ġew investiti.
Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, b’reazzjoni għal dak li ddikjara l-Kelliem Ewlieni Nazzjonalista għal Għawdex, Alex Borg, nhar it-Tnejn waqt il-programm XTRA fuq l-istazzjon nazzjonali.
Qal, “Il-fondi Ewropej għal Għawdex, jgħidu x’jgħidu min irid, huma maqbula u dokumentati mal-Unjoni Ewropea. Għall-ewwel darba, Għawdex se jkollha allokazzjoni ta’ €180 miljun fondi Ewropej fuq proġetti varji, li se jsiru bi programmi differenti.”
Skont Borg, iżda, Għawdex mhu jgawdi u mhu se jgawdi l-ebda fondi Ewropej.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej tenna li fil-pakkett finanzjarju ta’ Malta, imsejjaħ ERDF, hemm kapitlu sħiħ dwar il-gżira Għawdxija.
Qal, “Mill-ERDF waħdu, għandek dik li tissejjaħ ‘ring fence’, jiġifieri hemm kapitlu ta’ €58 miljun li huma ddedikati għal Għawdex. Jiġifieri jekk il-Gvern, hu min hu, ikun jixtieq iċaqlaq xi fondi minnhom, dan ma jistax, dawk iridu jmorru għal Għawdex.”
Dr Bonett tkellem dwar il-ħidma li għaddejja għal proġetti ta’ fejda f’din il-gżira permezz tal-fondi Ewropej.
Qal, “Il-proġetti, li se jsiru minn dawn il-fondi, li għadni kif semmejt, huma proġetti li diġà mniżżlin fl-istrateġija li għadha kemm ħarġet il-GRDA, taħt il-Ministeru għal Għawdex. U, eventwalment, bħalissa qed jiltaqa’ kumitat magħmul min-nies tal-fondi Ewropej u n-nies tal-Ministeru għal Għawdex u tal-awtoritajiet ikkonċernati biex jiġi deċiż dawk it-€58 miljun fuq liema proġetti se jmorru. Jiġifieri fis-seba’ snin mhux talli mhux se naraw fondi Ewropej talli se naraw l-aktar darba li Għawdex qatt ra fondi Ewropej.”