Madwar €900,000 minn fondi Ewropej se jiġu allokati sabiex jgħinu fil-finanzjament għax-xogħlijiet li qed isiru fil-binja tal-kumpless ta’ St Michael Hospice f’Santa Venera.
Dan tħabbar mis-Segretarju Permanenti għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi waqt żjara fuq ix-xogħlijiet li għaddejin bħalissa.
F’kumment, is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi tenna li il-proġett jinkludi taqsima għat-terapija matul il-jum, post fejn jitpoġġa l-apparat, u spazju għal taħriġ edukattiv fost faċilitajiet oħra.
Dan b’investiment totali ta’ tnax-il miljun u ħames mitt elf ewro..
Qal, “Dan huwa mezz ieħor kif ninvestu fondi tal-EU biex ninvestuhom fin-nies, nagħtu aktar għajnuna biex f’dan is-servizz mill-aktar importanti ta’ kura paljattiva jkun jista’ jingħata aħjar minn Hospice Malta.”
Iċ-Chairperson ta’ Hospice Malta Bernadette Bonnici spjegat kif il-proġett huwa maħsub li jkun lest għall-aħħar tas-sena d-dieħla fejn ta’ kuljum, terapisti u professjonisti oħra fil-qasam tas-saħħa jkunu jistgħu jkomplu jagħtu l-aqwa servizz lill-pazjenti fil-qasam tal-kura paljattiva.
Spjega, “Meta jkunu lesti jekk alla jrid minn hawn u sena oħra din is-sala se tintuża għad-Day Therapy Unit għall-pazjenti tagħna, jiltaqgħu hawnhekk jgħaddu sigħat magħna u jieħdu ftit break ukoll. Fil-kmamar ukoll se jkollna terapisti, social workers, psychologists u affarijiet hekk ukoll.”
Bonnici filwaqt li esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal dan il-finanzjament spjegat ukoll kif dan il-proġett se jinkludi żoni silenzjużi biex il-pazjenti u l-qraba tagħhom jingħataw is-serħan meħtieġ, ’il bogħod mill-attivitajiet ta’ kuljum.