L-għaqdiet volontarji u dawk mhux governattivi, u li jixtiequ jwettqu proġetti li jgħinuhom fil-funzjoni soċjali tagħhom jistgħu japplikaw għall-fondi Ewropej mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, sal-aħħar ta’ April ta’ din is-sena.
Dan il-fond, huwa maħsub partikolarment għal proġetti ta’ infrastruttura soċjali.
Dan tħabbar waqt żjara li għamel id-Deputat Prim Ministru, Chris Fearne, fil-binja tal-Fondazzjoni Caritas fi Blata l-Bajda, li saret b’assistenza ta’ €2.8 miljun fondi Ewropej miksuba minn sejħa simili fil-passat.
Id-Deputat Prim Ministru, ħeġġeġ lil din il-fondazzjoni u oħrajn sabiex ikomplu jagħmlu użu minn dawn il-fondi, hekk kif hemm madwar €6 miljun disponibbli għal dawn l-inizjattivi.
Huwa spjega kif l-għaqdiet li jixtiequ jaċċessaw dawn il-fondi, għandhom jagħmlu kuntatt mal-uffiċċju tas-Servizzi Ewropej f’Malta.
Qal, “L-użu tal-fondi Ewropej, ivarja minn sejħa għal oħra, imma wkoll jinkludi sejħiet, li għandom x’jaqsmu mal-qasam soċjali. Bħalissa hemm sejħa miftuħa, għall-fond ta’ miljun ewro, li għaqdiet volontarji, mhux governattivi, speċjalment dawk li jaħdmu f’oqsma li jmissu mas-saħħa u d-diżabilità, jkunu jistgħu jkunu eliġibbli li japplikaw għalihom. Huwa fond li huwa msejjaħ social infrastructure fund, u huwa fond li jgħin sabiex il-funzjoni soċjali taħdem aħjar.”
Id-Direttur tal-Fondazzjoni Caritas, Anthony Gatt, stqarr kif dawn il-fondi kienu kruċjali sabiex issir ir-rinovazzjoni, kif ukoll il-bini tal-Caritas Community Centre, liema ċentru, is-sena li għaddiet offra servizzi lil madwar 700 persuna b’diffikultà ta’ dipendenza, lil 500 qarib ta’ dawn il-persuni, kif ukoll lil 800 persuna oħra bi problemi soċjali varji.
Qal, “Il-fondi Ewropej kienu kruċjali, biex stajna nirrinovaw u jinbena dan il-post, il-Caritas Community Center, li qed jagħti servizz nazzjonali prattikament.”
Għal iżjed informazzjoni wieħed jista’ jċempel lil SEM fuq 2779 7300, jew jibgħat imejl fuq info.sem@gov.mt.