“Irridu naraw illi l-fondi Ewropej jaslu għand in-nies u jingħataw aċċess iktar sempliċi għan-nies.”
Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett f’intervista ma’ ONE News, li ħabbar kif l-aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta se tingħata aktar responsabilità biex tgħin lil aktar nies sabiex jaċċessaw aktar malajr il-fondi Ewropej.
Stqarr, “Din ħa nagħmluha permezz ta’ entità li hemm taħtha, li hija Servizzi Ewropej f’Malta illi se jkun qiegħed jiżdied ix-xogħol f’din l-entita biex naraw illi l-NGOs, il-Kunsilli Lokali, biex naraw illi individwi, bdiewa, kumpaniji żgħar, dawk ikunu jistgħu jkollhom aċċess aktar faċli għall-fondi għax aħna nemmnu iva li apparti l-proġetti l-kbar, biex inti tħoss illi inti verament ċittadin Ewropew, irid ikollok aċċess aktar faċli għall-fondi fuq livell iktar tan-naħa tal-ħajja ta’ kuljum.”
F’din l-intervista, is-Segretarju Parlamentari sostna wkoll li hekk kif il-Kummissjoni Ewropea approvat il-programmi operattivi tal-Gvern Malti permezz ta’ fondi Ewropej sal-2027, mis-sena d-dieħla, pajjiżna se jibda jagħmel użu minn dawn il-fondi.
Bonett qal li f’Jannar il-Gvern Malti, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea se jkun qed iniedi dawn il-programmi minn fondi Ewropej.
Qal, “Issa ovvjament se nibdew nużaw dawk il-fondi u se nkunu qegħdin nibdew is-sena propju b’avveniment fejn se jkollna f’Malta lill-Kummissarju Ewropew Elisa Ferreira u flimkien mal-Prim Ministru se nkunu qegħdin iniedu dawn il-programmi kollha. Dawn il-programmi li se joħduna għas-seba’ snin li ġejjin bil-viżjoni għal Malta għal dan il-perjodu ta’ żmien.”
Is-Segretarju Bonett spjega li dawn il-programmi ta’ fondi Ewropej se jolqtu diversi setturi, fosthom is-saħħa, l-edukazzjoni, fl-ambjent u anki sabiex issir il-qalba diġitali.